Il-ħolma tagħna issa saret realtà. Dan kien is-sentiment taż-Żabbarin, hekk kif issa din il-belt għandha vara ta’ Kristu Rxoxt fis-Santwarju tagħha.
Din il-vara ddaħħlet fis-Santwarju s-Sibt filgħaxija waqt il-Glorja, minkejja li l-proċess ma kienx kompletament approvat min-naħa tal-Kurja.
Il-Ħadd filgħodu ONE News mar f’Ħaż-Żabbar fejn kienet għaddejja l-Quddiesa ta’ Ħadd il-Għid.
L-artist Rennie Abela, qal kif din il-vara se titgawda miż-Żabbarin u d-dilettanti kollha ta’ dan il-perjodu fil-kalendarju tal-Knisja.
Huwa sostna ma’ dan l-istazzjon kif żmien twil ta’ ħidma, issarraf f’ħolma li saret realtà.
Qal, “Jien artist Żabbari u ħdimtu b’determinazzjoni, dejjem kont nemmen li se naslu kif fil-verità ġara.”
Intant, is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech sostna kif din il-ħolma bdiet aktar minn sentejn ilu.
Sostna li minkejja n-nuqqas ta’ qbil mal-Kurja dwar din il-vara, il-poplu Żabbari kien ċar fix-xewqat tiegħu, speċjalment meta wieħed jara r-reazzjoni tal-istess nies meta raw din il-vara dieħla fis-Santwarju.
Qal, “Eventwalment proprju fil-ġurnata tal-bieraħ waqt il-Glorja, grupp ta’ Żabbarin daħħlu din l-istatwa fil-Knisja u ntlaqgħet b’tant ferħ u ċapċip mingħand il-poplu ta’ Ħaż-Żabbar, xi ħaġa li kienet ix-xewqa taż-Żabbarin għal snin twal, xi ħaġa li kienet nieqsa fil-lokalità tagħna u eventwalment la bdejna b’dan il-pass issa żgur li mhux se nieqfu hawnhekk imma se nkomplu fix-xogħlijiet li meħtieġa għall-perjodu tal-Ġimgħa Mqaddsa kollha.”