Ixxukjati bl-aħbar u mbikkmin, fuq is-sit soċjali ta’ facebook, jispikkaw il-kummenti tal-qraba u l-ħbieb tal-missier ta’ tifla ta’ 3 snin, Reuben Azzopardi. Żejtuni ta’ 34 sena li tilef ħajtu wara li waqa’ minn fuq l-irdum fl-inħawi magħrufa bħala l-Ġolf tat-Tafal, ix-Xgħajra.
Reuben kien magħruf għal kick-boxing hekk kif kien jieħu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali, jispikka l-messaġġ tal-kowċ tiegħu, Noel Mercieca li qatta’ ħafna ħin ma’ Reuben.
“Brother, ħabib u student mill-aqwa għal ħafna snin . Qas niflaħ nikteb biex nselimlek u ngħidlek li ħa tibqa’ f’qalbi u f’ħajti kollha. Wieħed mill-aqwa fighters li kellna f pajjiżna u ippreżenta lil Malta u klabb għal diversi snin. Daħq u ċajt li konna nadu, il-pajjiżi li dorna flimkien u il-qalb tajba li kellek u tieħu ħsieb l-artikli tal-klabb. Nħobbok Reuben, kif dejjem ħabbejtek. Raġel eżemplari u tal-familja. Nselimlek ħabib R.I.P.”
Dan kien biss wieħed mill-ħafna messaġġi fuq il-profil ta’ Reuben li avventura bil-quadbikes ħasditlu ħajtu.
L-inċident seħħ waqt li grupp ta’ ħbieb kienu qed isuqu quad bikes, għal xi raġuni wieħed minnhom, raġel ta’ 34 sena residenti ż-Żejtun waqa’ għal isfel minn fuq l-irdum u ġie fuq il-blat.
Fuq il-post issejjħu l-Pulizija, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta permezz ta’ helikopter, kif ukoll ambulanza b’tim mediku. Sfortunatament ir-raġel miet waqt li kien qed jiġi assistit sabiex jittella`.