Il-Gvern nieda l-iskema “Ixtri Proprjetà Sostenibbli” li, permezz tagħha, dawk li jixtru residenza, li tkun konformi mal-istandards ta’ sostenibbilità, se jirċievu għotja ta’ bejn €4,500 u €9,000, maqsuma fuq it-tliet snin li ġejjin.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mir-riforma mis-settur tal-kostruzzjoni, Jonathan Attard, li spjega li din l-iskema hi miftuħa għal kulħadd, inkluż dawk li huma first-time jew second-time buyers.
Ġie spjegat li, meta wieħed jikkalkula l-għajnuniet kollha flimkien, dawn il-persuni jistgħu jkunu eliġibbli għal kważi €30,000 f’appoġġ dirett, li jinkludu l-għotja ta’ €10,000 lil min qed jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €200,000 tal-valur tal-proprjetà, flimkien mal-għajnuna l-ġdida taħt din l-iskema, li tvarja skont il-livell ta’ effiċjenza fl-enerġija tal-proprjetà.
“Din l-iskema ħa jkun qed jibbenefika minnha kulħadd, kull min irid jixtri proprjetà mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena. Min-naħa ta’ binjiet ħa jkunu qed ikopru binjiet li huma net zero energy buildings, jiġifieri binjiet li jużaw l-inqas konsum tal-enerġija u li huma 20% aħjar fil-konsum, skont id-Document F. Dan id-dokument hu dokument li hemm numru ta’ proċeduri li jridu jittieħdu biex il-perit u l-inġinier ikunu jistgħu jiddisinjaw aħjar il-binja nnifisha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, Roderick Bonnici
Is-sidien il-ġodda ta’ proprjetajiet, li huma kklassifikati bħala “net zero”, se jirċievu l-ammont ta’ €3,000 fis-sena fuq tliet snin, għal total ta’ €9,000.
Filwaqt li dawk li l-proprjetà tagħhom hi 20% aħjar minn dak rikjest mill-istandards Ewropej tal-enerġija se jkunu qed jirċievu l-għotja ta’ €1,500 fis-sena, għal tliet snin, biex b’kollox jirċievu €4,500.
Dwar dan, il-Ministru Attard spjega l-iskop wara l-inizjattiva t’appoġġ.
“Din hi skema li hi amministrata mill-BCA, li se tingħaqad mal-iskemi oħrajn li jipprovdi l-Gvern, proprju għal dawk li qed ifittxu li jakkwistaw proprjetà ġdida, b’tali mod li din id-darba nħajruhom ifittxu proprjetà aktar sostenibbli, għax aktar għandhom possibilità jibbenefikaw minn din l-iskema, li tista’ twassal għal għotja ta’ €9,000 fuq medda ta’ tliet snin.”
Il-Ministru Jonathan Attard

