L-1979. Sena ta’ ġrajjiet storiċi. Margaret Tatcher saret Prim Ministru tar-Renju Unit, iċ-Ċina daħlet il-liġi ta’ wild wieħed għal kull familja u fid-deżert Sahara għamel is-silġ. Anke f’Malta ġraw ġrajjiet li jibqgħu mfakkra għal dejjem. L-aħħar bastimenti u suldati Ingliżi telqu mill-portijiet tagħna biex Malta kisbet il-Ħelsien sħiħ.
Pass kuraġġuż fis-sena li Gloria Gaynor ħarġet bid-diska I Will Survive. Għax dik is-sena kienet ukoll sena ta’ diski kbar. Fost l-iktar kantanti popolari fl-istorja kienu fl-aqwa tagħhom dik is-sena. Michael Jackson bl-album Off The Wall u l-Pink Floyd b’The Wall kienu qed jiġbdu l-eluf warajhom.
Bħalma kienu qed jagħmlu il-Queen, il-Bee Gees, Dire Straits, Rod Steward, Donna Summer u Village People fost oħrajn. Dawn id-diski se jerġgħu jieħdu l-ħajja nhar id-9 ta’ Marzu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi meta se jsir kunċert kbir bil-għan li jfakkar l-erbgħin sena mill-ħelsien ta’ pajjiżna.
Kunċert bl-isem TEMA 79 li matulu mhux se tonqos għażla ta’ mużika Maltija; inkluż dik marbuta ma’ dan l-avveniment storiku.
Il-biljetti issa jinsabu għall-bejgħ minn fuq is-sit elettorniku ta’ Dar il-Mediterran, mcc.com.mt, u jkun għaqli li wieħed jaħseb kmieni għax mijiet diġa’ rriservaw il-post tagħhom.
Wieħed jista’ jixtri wkoll il-biljetti miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-kunċert li għalih se jattendi l-Prim Ministru u l-ogħla uffiċjali tal-Partit Laburista hu wiehed minn bosta attivitajiet li l-Partit Laburista se jorganizza biex ifakkar dan il-jum fl-40 anniversarju.