75 biċċa tal-arti se jkunu irkantati fl-24 ta’ Novembru fil-Palazz San Anton. Dan waqt l-irkant tal-Malta Community Chest Fund, bil-fondi miġbura jmorru kollha b’risq dawk li huma fil-bżonn.
L-irkant sar avveniment annwali, u jifforma parti mid-diversi attivitajiet li jilħqu l-qofol tagħhom l-għada tal-Milied waqt l-Istrina.
B’differenza mis-snin preċedenti, il-biċċiet tal-arti għaddew minn proċess ta’ għażla.
Charles Attard, li jifforma parti mill-kumitat tal-irkant, spjega x’kienu l-fatturi li kkaratterizzaw dal-proċess.
“Iddecidejna li naraw l-ispazju li għandna, naraw il-ħin li għandna, ħrigġna b’70 biċċa arti, fil-fatt għandna 75 biċċa arti, u kellna ninfurmaw lill-artisti li se nagħmlu għażla. Għażla mhux ta’ min hu l-isbah. Mhux ta’ min hu l-aħjar. Ta’ kif se nżewqu biex ma jkollokx aktar mill-istess. U wkoll il-livell tal arti”.
Il-valur medju ta’ dawn il-biċċiet tal-arti huwa ta’ €400, bl-irħas waħda tiswa €150 u l-ogħla waħda tiswa €1,450.
Sena wara sena, dan l-irkant dejjem kien ta’ suċċess u mistenni minn ħafna. Is-Sur Attard spjega ma’ ONE News x’għandhom jistennew dawk li huma mħajrin jakkwistaw waħda minn dawn il-biċċiet t’ arti:
“Rajna li xi jħobbu n-nies, liema huma ta’ livell, per eżempju djar li jħobb ikollhom pittura, uffiċini li sewwa jkollhom pittura sabiħa, gaming companies li tajjeb jagħtu donazzjoni u jkollhom pittura sabiħa u xi jfitxxu f dak li jagħżlu. Xi jfittxu biex jieħdu l-prodott vera Malti, sabiħ u ta’ livell għoli”.
Waqt it-tnedija, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rrimarkat li sena wara sena, l-ispiża tal-Malta Community Chest Fund dejjem tikber.
Sostniet li l-ispiża għal dis-sena mistennija taqbeż id-disa miljun ewro, u għaldaqstant il-fondi miġbura mill-irkant jgħinu sabiex ikompli jingħata l-appoġġ lil min vermanet għandu bżonn.
Kull min jixtieq jara il-biċċiet tal-arti qabel l-irkant, jista jagħmel dan bejn it-tlettax u t-tlieta u għoxrin ta’ Novembru bejn l-għaxra ta’ filgħoxu u s-sitta ta’ filgħaxija fil-Palazz San Anton.