Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, xejjen kritika ta’ wħud li jgħidu li l-qgħad f’Malta u Għawdex naqas għax il-Gvern kien qed jimpjega n-nies fis-settur pubbliku.Meta kien qed jintroduċi d-dibattitu dwar l-estimi ta’ dħul u infieq tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC), il-Ministru qal li filwaqt li fl-2012 l-għadd ta’ ħaddiema mal-Gvern kien 27%, is-sena l-oħra dan niżel għal 25.8%. Waqt li fis-settur pubbliku kien hemm żieda ta’ 2,300 persuna, iż-żieda fis-settur privat kienet ta’ aktar minn 14,000.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-ħaddiema b’diżabilità u qal li ħafna anqas kienu biss jirreġistraw. Illum kien hemm żieda ta’ 543 persuna b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol. Minn dawn 166 anqas kienu biss jirreġistraw.
Bartolo wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li numru ta’ investituri qed jilmentaw li mhumiex isibu nies kwalifikati biex jaħdmu magħhom u qed jgħidulu li jekk is-sitwazzjoni se tkompli hekk se jitilqu.
Huwa qal li l-gvern kellu suċċess biex ħaddiema jieħdu taħriġ. Semma l-Youth Guarantee Scheme, li kien hemm min irredikolaha u llum wasslet biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa l-inqas fl-Unjoni Ewropea wara l-Ġermanja. Huwa wiegħed aktar korsijiet biex jikbru l-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna.
Il-Ministru Bartolo semma l-miżuri li qed jittieħdu mill-Gvern biex eksħabsin u eksdrogati jintegraw lura fis-soċjetà.