Il-pulizija Tajlandiża sempliċiment immultat lix-xufiera li lejn l-aħħar tax-xahar li għadda tajret Malti ġo belt fit-Tajlandja. Alfred Balzan ta’ tmienja u sebgħin sena kien ġie ċċertifikat mejjet u bintu spjegat kif kienet esperjenza xokkanti hekk kif saret taf li x-xufiera irċeviet multa sempliċi talli saqet b’veloċità eċċessiva. L-anzjan Malti kien qed isuq mutur tat-tip Honda meta karozza Isuzu tajritu.
Nhar il-Ħamis li għadda wasal il-katavru ta’ Balzan u dalgħodu fil-Knisja Kolleġjata ta’ Bormla sar il-funeral. Il-Malti kien ilu erbatax-il sena jgħix fit-Tajlandja u kull sena kien iżur il-qraba tiegħu f’Malta.
Ibnu wkoll spjega kif missieru temm ħesrem ħajtu minħabba negliġenza tax-xufiera li issa qed tiffaċja proċeduri kriminali u ċivili li nfetħu mill-familja. Iben il-vittma rringrazzja lill-Konsolat Malti f’Bangkok tal-koperazzjoni sħiħa iżda bintu rrimarkat li ma tistax tgħid l-istess għall-pulizija Tajlandiża li fi kliemha naqsu milli jgħinuha f’dan il-każ.