L-inkjesta maġisterjali li sabet li l-ħtija fid-differenzi tal-konsum tal-fuel fil-karozza tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma kinitx tax-xufier intalbet mill-Pulizija u mhux mill-uffiċċju tal-ispeaker.
Iċċara dan l-uffiċċju tal-ispeaker fi stqarrija li fiha nnota wkoll kif għalkemm Simon Busuttil kien qallu biex jissospendi x-xufier hu qatt m’għamel dan għax meta nibtet l-investigazzjoni ma kien hemm ebda prova diretta fil-konfront tal-istess xufier.
“Fid-dawl ta’ dan ir-rifjut biex ix-xufier tal-Kap tal-Oppożizzjoni jiġi sospoż il-paga tiegħu baqgħet tinħariġlu mingħajr interuzzjoni,” qal l-ispeaker li fisser x’wasslu biex jitlob l-għajnuna tal-Pulizija.
“Il-fuel allowance kien meħud kollu fuq bażi regolari xahar wara xahar għal 30 xahar mingħajr interuzzjoni ħlief għal tliet okkażjonijiet.
Dan il-fatt flimkien mal-għoti ta’ qari tal-odometer b’mod ħażin regolarment mix-xufier tal-Kap tal-Oppożizzjoni wassal lill-uffiċċju biex jitlob l-għajuna tal-pulizija biex ikun verifikat kemm fil-verità huwa l-ammont tal-fuel,” qalet stqarrija tal-uffiċċju tal-ispeaker.
L-istqarrija nnotat ukoll kif il-qorti rrimarkat li s-sistema li ġiet użata s’issa fl-għoti tal-fjuwil ma tikkontrollax żbalji umani li jistgħu jsiru tul l-ipproċessar ta’ din is-sistema u għalhekk wieħed għandu jirrevedi din is-sistema. L-uffiċċju tal-ispeaker qal li se jkun qed jieħu l-miżuri meħtieġa.