Uħud xtaqu jkunu jafu jekk għaddewx mill-eżamijiet filwaqt li oħrajn xtaqu jirrikonċiljaw mal-maħbubin tagħhom.
Il-kurżità tagħmel b’kulħadd u saħansitra tegħleb lil wħud tant li jispiċċaw ifittxu mod u manjiera kif jistgħu jsiru jafu l-ġejjieni tagħhom.
Il-mezz…..il-qari tax-xorti – tradizzjoni li ilha tiġi prattikata eluf ta’ snin u warajha hemm mhux biss dinja mudlama iżda industrija li trendi eluf ta’ ewro.
ONE News tkellem ma’ Patri Franco Fenech, eżorċista li tul dawn l-aħħar 14-il sena ltaqa’ ma’ bosta nies li fittxew biex ikunu jafu kemm ser tidħkilhom ix-xorti.
Fr. Franco stqarr: “Kultant il-fortune tellers, dawn li jaqraw ix-xorti jippruvaw jimpressjonaw il-persuni illi huma għandhom il-magħmul iswed u l-magħmul abjad. Ħafna minnhom jgħidu l-iswed ma nagħmluhx għax iswed il-magħmul li jagħmel il-ħsara u aħna ħsara ma nagħmlux. Jien ngħid ċar u tond illi mill-esperjenza tagħna, kollha jagħmluh il-magħmul iswed iġifieri kollha jippruvaw jagħmlu ħsara meta jkun hemm il-flus involuti.”
Irrakkontalna storja ta’ mara li staqsiet fortune teller biex tirranġa ma’ żewġha u minflok spiċċat b’magħmul li jifridhom għal dejjem.
Fr. Franco kompla jirrakonta: “Niftakar qaltli li tatha kaxxa. Fil-kaxxa kien hemm, ritratt illi tatha hi stess tagħha u tar-raġel flimkien, kien hemm ħafna herbs illi jużaw anki għall-magħmul u fuq dan ir-ritratt, fuq in-naħa ta’ wara kien hemm miktub, “jinfirdu darba għal dejjem.” U din niftakar tant irrabjat li kienet marret għaliha għaliex kienet propju l-kuntrarju ta’ dak li hi xtaqet titlob.”
Is-saċerdot spjega magħna li nies li jfittxu li jaqraw xortihom jaf jaqgħu fin-nassa u jispiċċaw jikkonsultaw lil dawk li jaqraw ix-xorti f’kull saram li jinqala’ f’ħajjithom.
“Illum naf persuni jien li mhux kapaċi jieħdu deċiżjoni għaliex għal kull diffikultà, kull problema, kull deċiżjoni li jridu jieħdu, iridu jċemplu lil fortune teller biex ikollhom sigurtà li d-deċiżjoni se joħduha tajba, se tkun ta’ ġid għalihom. Jiġifieri, kważi kważi il-kapaċità li l-persuna, l-intelliġenza tagħha, il-kapaċità li tiddeċiedi, li tikkumbatti mal-ħajja ta’ kuljum eċċ, din tibda tispiċċa”, temm jgħid Fr. Franco.