Tarek Lahlouji, ġuvni ta’ 20 sena mill-Ivory Coast li jgħix l-Msida ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi wara li nhar il-21 t’ April għall-ħabta tas-1:00 ta’ filgħodu wettaq ħsara volontarja fuq xi vetturi fil-Gżira.
Tarek deher quddiem il-Qorti mgħejjun mill-akuvat tad-difiża legali Leontine Calleja akkużat li wettaq ħsara volontarja fuq vetturi li titla sa’ €2500 u li kien f’ stat ta’ sokor fil-pubbliku.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ beda wara li xi persuni ċemplu l-għassa tal-Pulizija u rraportaw il-fatt li kien hemm xi persuni fis-sakra li qed jgħamlu xi ħsarat f’ xi vetturi. Intant il-prosekuzzjoni żiedet tgħid ukoll li l-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih f’fażi preliminari tant li diġa għamel tajjeb għall-ħsarat li wettaq.
L-Ispettur Valletta appellat lill-akkużat li minkejja li bħall kull persuna oħra hu milqugħ f’ pajjiżna għandu jqis għemilu u joqgħod attent mir-riperkussjonijiet li jġib miegħu is-sokor.
Intant wara li kkunsidrat iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli kkundannat lill-akkużat sentejn ħabs sospiżi.