L-għada tal-Milied, fil-festa ta’ San Stiefnu sar appuntament ta’ kull sena, l-attività annwali l-Istrina, xandira televiżiva li toħroġ fid-deher il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi.
L-Istrina, permezz tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, tħabbat fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin, biex jingħaqdu u jinsew id-differenzi, u jgħożżu l-valuri ta’ dawk li ġew qabilna, li jimpurtahom minn dawk li jinsabu fil-bżonn.
Din il-festa ta’ solidarjetà lejn ħaddieħor qed tittella’ fil-Padiljun ta’ Ħal Kirkop, biex jinġabru fondi ħalli fil-mument tal-bżonn, dawk li jkunu jeħtieġu l-għajnuna matul is-sena, isibu s-sostenn.
Tkellimna ma’ Marcelline Galea, voluntiera fl-Istrina għal ħafna snin.
“Din hija s-sitta għoxrin sena tiegħi li qed nagħmilha. Nagħmilha għax jekk tħoss li kulħadd familja, inti tagħti kollox għall-familja, allura tibqa tagħti u tagħti milli għandek, ħin, flus li għandek.”
Maurizio Gauci fl-imgħoddi rċieva l-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund u għalhekk iħoss il-bzonn li jagħti sehmu b’risq l-Istrina.
“Inħoss il-bżonn li bħali, min għandu naqra ħin jiġi jagħti naqra ħin għax l-Istrina tgħin lil kulħadd ma toqgħodx tara uċuh, taqbad u tgħin lil kulħadd. Jien din hija l-għoxrin sena tiegħi. Jien għandi tifel disabled, għandu ħamsa u għoxrin sena. Wara ħames snin ġejt bżonn l-Istrina, għenuni u minn dakinhar ‘l hawn, veru ma ġejtx bżonnha imma nħoss li għandi nagħti naqra mill-ħin tiegħi ħalli min ikollu bżonn isib l-Istrina u tgħinu.”
Matul il-maratona ta’ tnax-il siegħa xandir qed jieħdu sehem għadd ta’ personalitajiet u jidhru diversi intervisti ma’ familji li daqu l-imrar tal-ħajja u sabu r-refuġju u s-sostenn mill-għajnuna li tathom il-Malta Community Chest Fund permezz tal-Istrina.