Il-President ta’ Malta George Vella, flimkien mas-Segretarju tal-Presidenza, Rosette Spiteri Cachia, dalgħodu għamel l-aħħar żjara uffiċjali tiegħu fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika hekk kif it-terminu ta’ din il-Presidenza qed joqrob lejn tmiemu.
F’laqgħa mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u t-tmexxija tal-NAO, il-President Vella rrimarka kif sa mit-twaqqif tiegħu bħala Istituzzjoni separata u indipendenti, dan l-Uffiċċju kompla jwettaq il-mandat Kostituzzjonali tiegħu fi spirtu tal-akbar diliġenza u diskrezzjoni, dejjem fl-interess tal-ġid komuni.
Il-President Vella qal li l-NAO ta kontribut importanti biex ikomplu jiġu msaħħa l-kontabilità u t-trasparenza fl-użu tar-riżorsi pubbliċi, u li permezz tal-ħidma professjonali tiegħu kompla jkun ta’ xprun li jinkoraġġixxi u jiffaċilita titjib fil-kwalità tal-governanza f’pajjiżna.
Waqt li faħħar il-kontribut siewi ta’ dan l-Uffiċċju permezz tar-rapporti dettaljati u informattivi li joħroġ b’mod regolari, il-President radd ħajr lill-ħaddiema kollha għall-ħidma ta’ valur kbir għal pajjiżna li jwettqu bl-akbar għaqal u professjonalità. Fuq livell internazzjonali, il-President nnota b’sodisfazzjon ir-rispett li l-NAO jgawdi barra minn Malta waqt il-ħidma tiegħu f’fora internazzjonali.
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara, enfasizza li t-tmexxija u l-istaff kollu tal-NAO huma impenjati bis-sħiħ li jibqgħu jagħtu l-aqwa servizz ta’ awditjar possibbli bil-għan prinċipali li tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza tajba fis-settur pubbliku, fl-aqwa interess taċ-ċittadini kollha.
Matul din iż-żjara, l-NAO uffiċjalment nieda l-istrateġija ġdida tiegħu għall-ħames snin li ġejjin ‘Enhancing Audit Impact’. L-Awditur Ġenerali ppreżenta kopja ta’ dan id-dokument lill-President Vella filwaqt li wassal l-apprezzament sħiħ tiegħu lit-team intern li ħadem qatigħ biex, wara konsultazzjoni estensiva ma’ sieħba (stakeholders), kemm interni kif ukoll esterni, jissawwar dan il-pjan strateġiku komprensiv għas-snin 2024 – 2028.
Fi tmiem iż-żjara, il-President irringrazzja lill-ħaddiema tal-NAO għall-appoġġ li taw tul is-snin lill-Malta Community Chest Fund.