Ix-xogħol, il-ħaddiem u n-negozju se jibqgħu prijorità għall-Gvern fiż-żmien li ġej.
Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela f’intervent telefoniku fuq ONE Radio l-għada ta’ Jum il-Ħaddiem.
Qal, “Għaliex huma prinċipji fl-aħħar mill-aħħar. M’humhiex kunċetti li żviluppajnihom għall-pandemija u issa la tgħaddi l-pandemija nvarjaw minnhom. Dawk huma l-prinċipji li jsawru lill-Partit Laburista, ix-xogħol u n-negozju. Aħna l-partit tal-ħaddiem u l-partit tan-negozju.”
Il-Prim Ministru semma statistika li ħarġet din il-ġimgħa dwar il-faqar, u qal kif mill-elfejn u tlettax ’il quddiem, il-Gvern qatt ma qal li l-faqar huwa perċezzjoni, iżda jirrikonoxxi li huwa realtà.
L-istatistika wriet li f’sena ta’ pandemija, dawk imċaħħda materjalment b’mod sever naqsu b’elf persuna.
Qal, “Kieku l-Gvern ma ntervjeniex, kieku m’għamilna xejn, f’sena ta’ pandemija, l-affarijiet b’mod naturali f’dak li huwa faqar, kienu se jisplodu ’l fuq. Rajna li ġara bil-kontra għaliex għidna li nkunu Gvern tan-nies, li f’mument ta’ sfida li d-dinja qatt ma rat bħalu ejja ma nagħmlux kif għamlu ta’ qabilna ħdax-il sena ilu meta kellhom kriżi ekonomika għaxar darbiet iktar minn dik tal-lum u nħallu lin-nies għal rashom.”
Dr Abela fakkar fil-previżjonijiet ta’ sena ilu, meta mill-ewwel poġġa mal-ekonomisti biex il-Gvern jara kif jista’ jgħin lin-nies.
Fost l-oħrajn semma l-industrija tal-manifattura, li kien se jkollha riperkussjonijiet koroh.
Spjega, “Sabu Gvern, u hawn insellem lil Malta Enterprise, li taw inċentiv wara l-ieħor u miżuri ta’ appoġġ biex bqajna għaddejjin. Ilbieraħ f’waħda miż-żjara iddiskutejna espensjani. F’pandemija jkollok min qed jitkellem fuq il-futur.”
Il-Prim Ministru qal li n-numru ta’ każijiet attivi ta’ COVID-19 huwa l-anqas li kien f’dawn l-aħħar tmien xhur, grazzi għall-pjan ta’ tilqim li miexi b’mod tajjeb ħafna.
Huwa fakkar kif mill-ġimgħa d-dieħla, dawk li għandhom aktar minn tletin sena jistgħu wkoll jirreġistraw biex jitlaqqmu.
Qal ukoll li hu stess se jitlaqqam it-Tnejn wara li fl-aħħar jiem irreġistra ma’ martu bħala adulti li għandhom aktar minn erbgħin sena.
Qal kif, “Il-prinċipju li nattakkaw bil-vaċċin u niddefendu bir-restrizzjonijiet jibqa’ jgħodd u kruċjali nibqgħu nosservawh għaliex ma nistgħux nissguraw li nitilfu sajf ta’ xogħol. Sodisfatt kif mexjin iżda nibqa’ nappella għall-kawtela biex ir-regolamenti jibqgħu jiġu osservati.”
Fi tmiem ġimgħa li rat il-ftuħ mill-ġdid tal-ħwienet b’servizzi mhux essenzjali, il-Prim Ministru qal li qed iħares ’il quddiem biex fl-għaxra ta’ Mejju jiftħu r-ristoranti.
Qal, “Nifhem xorta waħda lil kull min għadu marbut bir-restrizzjonijiet, fosthom negozji, li jgħidu li jridu jmorru lura għax-xogħol. Għalhekk jibqa’ aktar kruċjali li l-ftuħ jibqa’ gradwali biex nibqgħu nimxu mal-pariri xjentifiċi imma biex ma nippreġudikawx lanqas l-industrija tat-turiżmu.”
Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar l-esperjenza sabiħa li kellu f’Jum il-Ħaddiem, fejn laqtitu d-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-kwalità tas-servizz li joffru.
Filwaqt li rrimarka li huwa kruċjali li jsiru investimenti strutturali, il-Prim Minsitru tkellem dwar l-importanza tal-indafa, l-ambjent u t-tisbiħ tal-pajjiż.
Huwa temm jappella biex ilkoll nibżgħu għal pajjiżna, u fuq kollox għal xulxin.
Qal, “Ma ninsew qatt lill-fqir u ż-żgħir jew lil min jista’ inqas minna. Dawk prinċipji li ssaħħu fil-pandemija. Ejja nibżgħu għalihom għaliex hekk nitkellmu fuq pajjiż b’saħħtu u soċjetà b’saħħitha.”