Qabad ritmu tajjeb ix-xogħol għar-riabilitazzjoni taż-żona tal-Imrieħel bis-saħħa ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat biex jitjieb dan id-distrett li jaħdmu fih madwar mitejn u ħamsin intrapriża u li jżuruh eluf ta’ nies kuljum.
F’konfernza tal-aħbarijiet intqal kif fl-aħħar 24 xahar, il-fondazzjoni Central Business District wettqet bosta proġetti biex tagħmel din iż-żona aktar attraenti għan-negozji u l-viżitaturi.
Ic-Chairman tal-fondazzjoni, William Wait elenka wħud mill-proġetti li saru fl-aħħar sentejn b’allokazzjoni finanzjarja ta’ 400 elf ewro mill-Gvern u mill-privat.
Fost il-proġetti li ġabu differenza kien hemm dak tal-immaniġġjar aħjar tat-traffiku u l-installazzjoni ta’ sinjali ġodda li se jgħin lill-konsumaturi jaslu minn post għall-ieħor b’iktar faċilità, u ismijiet ta’ toroq ġodda.
Is-Sur William Wait tkellem ukoll dwar proġett ta’ tindif li ġab bidla fl-estetika ta’ dan iċ-ċentru kummerċjali li jiġbed lejh eluf ta’ xerrejja.
“S’issa ġbarna kważi 2000 tunnellata ta’ skart. L-iskart jinġabar qiegħed 3 darbiet fil-ġimgħa u wkoll isir tindif tat-toroq darbtejn fil-ġimgħa. Qed naħdmu wkoll fuq flood relief project. In-naħa tal-forestals u d-deloitte iżomm ħafna ilma meta jagħmel ix-xita jiġifieri hemmek għaddej proġett ġdid.”
Proġett ieħor ta’ importanza ra t-tnedija tal-kodiċi postali ġodda għaż-żona li nqasmet ħames żoni differenti b’kuluri partikolari biex biex jiffaċilitaw il-ħajja tan-negozji, residenti u l-konsumaturi.
“Milux ukoll għamilna l-ġnien ta’ quddiem Farsons. Ġnien sabiħ ħafna jismu Ġnien il-Ħaddiem. L-idea hija li minn area li kienet ukoll sfortunatament saret miżbla llum huwa ġnien sabih, bandli jogging track.”
Huwa tkellem ukoll dwar bosta proġetti oħrajn li se jtejbu l-infrastruttura tal-post, fosthom sistema ta’ dawl ġdida, sistema online dwar ħsarat u proġett pilota li qed jara li jpoġġi żewġ pulizija għassa kuljum fiż-żona.
Waqt li żar iż-żona, il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona faħħar ix-xogħol tal-fondazzjoni u saħaq dan il-post kien nieqes minn viżjoni fit-tul qal li sabiex l-Imrieħel isir post li jkattar intraprenditorjat, kien hemm bżonn il-kollaborazzjoni ta’ dawk kollha involuti.
“L-importanza li dan id-distrett inżommuh nadif għaliex huma importanti għall-ekonomija tal-pajjiżli jkollna industrija li taħdem f’żoni li kummerċjalment jagħmlu sens.”