Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien maċ-chairman tal-Grand Harbour Regeneration Corporation Stefan Zrinzo Azzopardi u ċ-chairman tal-Kunsill Konsultattiv tan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis żaru x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fil-pitch tal-boċċi tal-Paola Wolves.
Dawn ix-xogħlijiet, li jagħmlu parti mill-proġett tas-sit tax-Schrieber, jinvolvu r-rilokazzjoni għal tliet snin tal-pitch tal-Paola Schrieber Boċċi Club għal pitch ta’ Paola Wolves li qiegħed jingħata dehra ġdida.
Ix-xogħol fuq dan il-pitch miexi b’ritmu mgħaġġel u mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ Ġunju.
“Din ir-rilokazzjoni se tkun qed tagħti bidu biex fix-xhur li ġejjin jibda l-proġett tal-health hub f’Raħal Ġdid. Proġett innovattiv li se jiġbor taħt saqaf wieħed diversi kliniċi speċjalizzati, u flimkien ma’ proġetti oħra fin-nofsinhar ta’ Malta se jkunu qegħdin jagħtu nifs ġdid lil din iż-żona,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Iċ-chairperson tal-Grand Harbour Regeneration Corporation Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett, għalkemm wieħed żgħir ta’ madwar €50,000, huwa importanti biex jibda l-proġett tax-Schreiber li barra l-health hub se jara wkoll spazju miftuħ għall-ġid tal-familji fl-akwati u proġett ieħor mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.