Ix-xogħolijiet fi Triq ix-Xarolla fiż-Żurriq miexi ġmielu, hekk kif tlestiet l-ewwel parti tal-proġett. Fil-fatt, il-parti arterjali tat-triq, biswit it-triq residenzjali, tlestiet, u nfetħet għall-użu tal-pubbliku.
Robert Schembri, l-Inġinier inkarigat mill-proġett, spjega li x-xogħlijiet se jħallu impatt pożittiv ferm fuq ir-residenti, minħabba li l-bibien ta’ djarhom infirdu mit-triq arterjali.
“Għadna kif lestejna triq ġdida li hija parallela mat-triq antika, it-triq tax-xarolla.. din qed isservi bħala t-triq li tieħdok mir-roundabout ta’ barra ż-Żurrieq, u eventwalment lejn Ħal Safi u Ħal Kirkop.. it-triq arterjali issa hija lesta, u se nibdew ix-xogħol fuq it-triq residenzjali.”
Il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro, u jinkludi servizzi ġodda tad-distribuzzjoni tal-ilma u tad-drenaġġ, sistema ta’ dwal tat-toroq ġdida, kanali għall-ilma tax-xita, pedamenti tat-triq ġodda, bankini ġodda u wiċċ ta’ asfalt ġdid mat-triq kollha.
L-Inġinier spjega li f’kull fażi tal-proġett ser isir it-tħaffir u l-bini mill-ġdid ta’ partijiet differenti tat-triq, sabiex ma tingħalaqx it-triq kollha f’daqqa.
Fl-istess waqt inħolqu wkoll spazji ta’ parkeġġ temporanji fit-triq il-ġdida, biex jintużaw mir-residenti sakemm it-triq quddiem il-propjetà tagħhom ma tkunx aċċessibbli minħabba x-xogħlijiet.
Schembri spjega li x-xogħol dam ftit iktar milli ppjanat minħabba sejba mhux mistennija. Xogħol li però mistenni jitlesta sas-sajf li ġej.
“Parti kbira mid-dewmien ta’ din it-triq kienet illi sibna żewġ oqbra puniċi li kienu intatti.. u allura ried isir ċerti studju u attenzjoni mill-arkeoloġi qabel inkunu nistgħu inkomplu.. filfatt sibna żewġ oqbra, pruvajna nevitaw wieħed, u ġejna eżattament ġo ieħor.. imma dak ix-xogħol issa għadda.”
L-Inġiner temm jgħid li x-xogħolijiet fiż-żona mhux se jkunu iżolati, hekk kif huwa ppjanat li malli titlesta din it-triq, il-Gvern se jaħdem ukoll fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kuċċard, f’Ħal Safi, li tmiss ma’ Triq ix-Xarolla u twassal għal Ħal Safi u Ħal Kirkop.