Meta kien qed jitkellem dwar proġetti futuri fil-qasam tas-saħħa, Chris Fearne qal li għaddej ix-xogħol fuq magna aktar avvanzata għall-kura tal-kanċer f’bini maġenb l-isptar tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Qal, “Il-bunker huwa lest, issa qed isir il-finishings ta’ barra, li huwa lest u fih diġa’ hemm qed jiġi installat l-MR Linec, biex issa jibdew isiru testijiet fuqu u l-kallibrazzjoni tiegħu biex fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla nibdew noffru l-iżjed trattament preċiż li wieħed jista’ jieħu għat-trattament tal-kanċer.”
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li biex il-pazjenti jinqdew aħjar u viċin fejn jgħixu, fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetaħ ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat, Għawdex u ċentru komunitarju ġdid fil-Qala.
Chris Fearne tenna li l-baġit għas-sena d-dieħla huwa wieħed rekord għas-settur tas-saħħa, u l-kura se tibqa’ tkun viċin in-nies.
Qal, “Wara li ftit tal-ġimgħat ilu ftaħna ċentru komunitarju f’Ħad-Dingli, ftit qabel ċentru komunitarju tas-saħħa fl-Iklin, is-sena li ġejja ħa nkunu qegħdin niftħu mill-inqas sitt ċentri tas-saħħa oħra f’ibliet u rħula Maltin: is-Siġġiewi, Birżebbuġa, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, Pembroke u Ħaż-Żebbuġ. Dawn kollha se jsiru s-sena d-dieħla.”
Waqt li semma ħemel ta’ miżuri li saru fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena fis-settur tas-saħħa, id-Deputat Prim Ministru nnota l-kritika skorretta u bla bażi mill-Oppożizzjoni.
Qal, “Pereżempju l-Onorevoli Vassallo Hagi qalilna li din is-sena, il-vot tal-Infection Diseases Unit huwa ta’ xejn. Jekk iħares lejn l-estimi, anki l-vot kapitali tal-Infection Diseases Unit kien xejn is-sena l-oħra, għax dan ftaħnih sentejn ilu, Mr Speaker! Kemm se ndumu nibnuh, ftaħnih sentejn ilu.”
Din mhix l-ewwel darba li membri tal-Oppożizzjoni ma jkunux konxji tax-xogħol u s-servizzi tal-Gvern fis-settur.
Per eżempju, waħda mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa m’għandhiex idea li s-servizz tal-Continuous Glucose Monitors reġa’ ġie estiż fl-aħħar xhur, u ftit ilu fil-Parlament staqsiet meta se jibdew igawdu minnu dawk li għandhom aktar minn ħamsa u għoxrin sena.
Li ma tafx Claudette Buttigieg huwa li dawn il-monitors mingħajr ħlas ilhom jingħataw lill-persuni bid-dijabete tat-Tip 1 sal-età ta’ ħamsa u tletin sena, minn Settembru li għadda.