Għaddej b’ritmu mgħaġġel il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid, waħda mill-akbar pjazez fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li x-xogħol jinsab għaddej ġmielu fuq it-tliet naħat tal-pjazza, li jinkludu dak li qed jissejjaħ il-Green Corridor, iż-żuntier tal-knisja, u l-pjazza prinċipali.
Ix-xogħol ta’ pavimentar jinsab kważi lest bit-triq prinċipali nksiet bil-porfido.
Is-Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis qal li dan il-proġett se jkun ċentru kummerċjali fin-naħa tan-nofsinhar ta’ pajjiżna.
Green Corridor huwa kunċett ġdid, fejn qabel kien hemm latrina illi aħna neħħejnieha min hemmhekk u għamilniha wara s-suq. Però l-iskop tiegħu huwa li mill-pjazza tista’ tidħol għal dan il-Green Corridor li twassal għal Ġnien il-Mediterran.
Wara ftehim mal-Knisja, iz-zuntier se jiċkien u parti kbira minnu se tinbidel ukoll f’żona pedonali.
Il-Perit tal-Proġett Christopher Mintoff qal li wara li tlesta ħafna mix-xogħol fil-pjazza li se jkun spazju miftuħ għan-nies, fil-ġimgħat li ġejjien se tintrama l-għamara l-ġdida biex tikkumplimenta dan il-proġett ambizzjuż.
Il-Perit spejega li x-xogħol sar fuq tliet fażijiet, bl-ewwel fażi tkun it-tneħħija tas-siġar li tħawlu fil-parkeġġ taċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Ix-xogħol kompla bil-bini ta’ triq ewlenija b’żewġ korsiji bit-traffiku jibda jgħaddi minn fejn il-każin tal-Hibernians.
Il-perit Mintoff qal li l-aħħar fażi tinkludi tisbiħ ħdejn iċ-ċentru tas-saħħa li minn parkeġġ se jinbidel ukoll f’żona pedonali.
Is-Sur Parnis qal li fl-interess tal-komunità kummerċjali, il-pjazza ma saritx kollha żona pedonali.
Dan il-proġett mistenni jkun iffinalizzat f’Lulju li ġej.