Ix-xogħol fuq is-sit fejn aktar kmieni miet Albaniż ta’ 51 sena kien qed isir mingħajr l-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Awtorità għall-Bini u Kostruzzjoni.
Dan qalitu l-BCA fi stqarrija, fejn spjegat li minn investigazzjoni rriżulta li l-inċident seħħ f’dar privata hekk kif kienu qed isiru xi xogħlijiet.
Irriżulta wkoll li x-xogħlijiet li kienu qegħdin isiru fil-partijiet ta’ ġewwa tal-proprjetà ma kellhomx l-approvazzjoni kompleta tal-Awtorità tal-Ippjanar, hekk kif l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar kienet għadha pendenti, u wisq anqas ma kien hemm applikazzjoni mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u għaldaqstant ma kien hemm ebda permess għal xogħlijiet.
F’dan l-inċident li seħħ fi Triq San Injazju f’Ta’ Sliema tilef ħajtu ħaddiem u ieħor sofra xi ġrieħi. Il-vittma nħareġ minn taħt it-tifrik tas-saqaf f’operazzjoni delikata tal-ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Dwar dan il-każ inħatret Inkjesta Maġisterjali.
AQRA AKTAR: