Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fir-Rabat, Għawdex, flimkien mad-Direttur għas-Servizzi f’Għawdex Joyce Farrugia u l-Perit tal-proġett Godwin Sultana.
Il-Ministru Camilleri qal li bħalma tħabbar fil-Budget 2021, dan il-Gvern huwa kommess li jwettaq dan il-proġett ta’ €9 miljun li ilu tant mistenni mill-Għawdxin u minn kull min għandu għal qalbu l-isports. Huwa sostna li matul il-pandemija x-xogħol mhux talli ma waqafx iżda intensifika u l-proġett mistenni jidħol f’fażi oħra fil-ġimgħat li ġejjin.
Min-naħa tiegħu l-Perit tal-proġett Godwin Sultana spjega kif ix-xogħlijiet ta’ skavar tlestew flimkien max-xogħlijiet tal-istruttura eżistenti u l-ħitan ta’ barra u bħalissa għaddej il-waterproofing tal-ħitan li mistenni jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin. Huwa kompla jgħid li x-xogħlijiet fuq iċ-ċangatura tal-art fiż-żona tal-ġinnastika, taħt il-pixxina, u l-kmamar mekkaniċi għaddejjin b’ritmu tajjeb u jinsabu wkoll fl-aħħar fażijiet.
Intqal ukoll li se jingħata bidu għall-pedamenti li fadal isiru taħt is-sala l-qadima tal-isports li jeħtieġu biss skavar, u xogħol tal-konkrit, imbagħad wara jsiru x-xogħlijiet ta’ waterproofing u ċangatura tal-art fl-iktar livelli fondi tal-proġett.
L-ewwel fażi tat-trinka għall-infrastruttura tas-servizz prinċipali għaddejja wkoll b’mod parallel max-xogħlijiet imsemmija.
Il-Ministru għal Għawdex saħaq li mhux biss Għawdex se jkollu pixxina nazzjonali ġdida fil-magħluq imma dan il-proġett ser ikun wieħed ħolistiku għax ser ikun qed jakkomoda aktar faċilitajiet sportivi taħt saqaf wieħed. Dan kollu qed isir bħala inċentiv biex aktar nies jipprattikaw l-isports u biex Għawdex verament isir destinazjoni sportiva li toffri l-aħjar faċilitajiet.
Ritratti: MGOZGħa