Ix-xogħol fuq il-proġett massiv taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fir-Rabat, Għawdex, jinsab fi stadju avvanzat tant li din il-ġimgħa nksiet il-faċċata ewlenija tiegħu bil-ħġieġ.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, b’messaġġ fuq il-midja soċjali fejn stqarr kif dan iċ-ċentru sportiv se jkun l-uniku tax-xorta tiegħu u fiż-żmien li ġej se jkun qiegħed jattira lejh turiżmu sportiv u ta’ kwalità u se jwassal ukoll għal aktar tkabbir ekonomiku fil-gżira.
Dan hu wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali u l-akbar investiment li qatt twettqu f’għexieren ta’ snin u hu mifrux fuq aktar minn 5,000 metru kwadru ta’ art fil-qalba tal-gżira Għawdxija.
Meta jitlesta, iċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv se jkollu l-għan li joffri faċilitajiet tal-ogħla livell lid-dilettanti sportivi Għawdxin, inkluż permezz ta’ pixxina ta’ daqs Olimpiku.