FʼSettembru tal-2023, l-impjiegi full-time żdiedu bi 8.0 fil-mija, filwaqt li dawk part-time bħala impjieg ewlieni żdiedu bi 3.5 fil-mija meta mqabblin maʼ Settembru taʼ sena qabel.
Dan ħareġ minn stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika dwar ix-xogħol irreġistrat f’Settembru tal-2023. Fil-fatt l-NSO jgħid li l-persuni rreġistrati b’impjieg full-time, laħqu il-mitejn u tmienja u sebgħin elf, sitt mija sebgħa u sebgħin ħaddiem.
L-Attivitajiet taʼ servizz amministrattiv u taʼ sostenn u l-Attivitajiet taʼ servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel kienu l-aktar żewġ oqsma li wasslu għaż-żieda fix-xogħol, meta mqabblin maʼ Settembru 2022.
L-NSO nnota wkoll li x-xogħol full-time irreġistrat fis-settur privat telaʼ b’20,342 persuna għal 226,221 ħaddiem
L-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu b’207 għal 51,452 ħaddiem.
L-għadd taʼ nies irreġistrati li jaħdmu għal rashom full-time telaʼ bʼ726 meta mqabbel maʼ Settembru 2022, mentri l-għadd taʼ persuni rreġistrati bħala impjegati żdiedu bi 19,823.
L-irġiel li jaħdmu full-time żdiedu bi 8.4 fil-mija, filwaqt li n-nisa żdiedu bʼ7.3 fil-mija, fuq is-sena taʼ qabel
Intant, f’Settembru tal-2023, l-impjiegi rreġistrati bħala part-time żdiedu bʼ6.3 fil-mija meta mqabblin mal-istess xahar tal-2022.
L-oqsma li l-aktar wasslu għal din iż-żieda kienu l-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi u s-settur tat-Trasport u l-ħażna.
L-għadd taʼ nies li kellhom kemm impjieg part-time kif ukoll ieħor full-time laħqu il-41,134, żieda taʼ 8.7 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar fl-2022.
Min-naħa l-oħra, il-persuni li kellhom biss impjieg part-time kienu jammontaw għal 33,926, żieda taʼ 3.5 fil-mija meta mqabblin mal-istess xahar fl-2022