B’investiment ta’ €4.2 miljun, ix-xogħol ta’ restwar fil-Ġnien tal-Mall fil-Furjana jinsab għaddej ġmielu. Dan il-proġett se jinkludi fih 7,500 metru ta’ pavimentar ġdid.
Fost ix-xogħlijiet li se jsiru f’dan il-ġnien hemm il-pavimentar, restwar ta’ monumenti li kollha li huma ta’ importanza nazzjonali, funtana ġdida u servizzi ta’ dawl ġdid u sigurtà.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg stqarr kif dan il-proġett li beda ftit ġimgħat ilu, qabad għaddej b’ritmu tajjeb u mistenni jitlesta sena oħra.
“Għandek il’ fuq minn seba’ t’elef u ħames mitt metru kwadru li se jkun qed jinbidel il-pavimentar fihom. Għandek jekk hux ir-restawr tal-ħitan u l-arkati, għandek ammont kbir ta’ monumenti hawnhekk li se jsir restawr tagħhom u l-handrails, kif ukoll is-sistema tad-dwal ġodda.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Gino Cauchi qal kif dan dan ix-xogħol ġewwa dan il-ġnien qed jikkumplimenta x-xogħlijiet li saru fl-aħħar snin dak, dak ta’ Pjazza Tritoni u ż-żona magħrufa bħala Biskuttin.
Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Anthony Agius Decelis semma’ kif barra dan il-proġett, il-korporazzjoni qed taħdem fuq proġetti oħra fosthom fl-Isla.
Is-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili spjegat kif dan il-proġett għandu importanza kbira hekk kif dan il-ġnien mhux biss se jintuża min nies tal-lokal iżda anke mit-turisti.
“Dan il-ġnien huwa għal qalb ħafna il-Furjaniżi. Filfatt fil-ġranet kemm tax-Xitwa kif ukoll tas-Sajf tara residenti jiġu hawnhekk u jirrikreaw ruħhom. U allura mingħajr dubju ta’ xejn naħseb ġnien bħal dan li se jkun upgraded bl-aħjar mod possibli se jagħti lura xi ħaġa lir-residenti tagħna.”