Għaddejjin l-aħħar xogħlijiet fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-elettriku f’Marsaskala, li se jkun qed jirdoppja l-kapaċità tiegħu b’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro u nofs, biex b’hekk dalwaqt jibda jitħaddem fl-intier tiegħu.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kumpanija Enemalta poġġiet f’postu transformer ġdid b’kapaċita ta’ tnejn u għoxrin mega volt u nofs u li jiżen kważi ħamsin tunnellata.
Issa dan iċ-ċentru għandu tlett transformers sabiex b’hekk ser tirdoppja l-kapaċità tiegħu filwaqt li tiżdied il-flessibilità biex l-enemalta tipprovdi s-servizzi tagħha lill-klijenti f’dawn l-inħawi.
Fil-fatt, iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’Marsaskala huwa ħolqa oħra importanti fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali għaliex iwassal il-provvista’ tal-elettriku lil eluf ta’ residenti u negozji fl-inħawi ta’ Marsascala, Żejtun, Marsaxlokk, Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra.
F’dawn l-aħħar snin, l-iżvilupp kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali f’Marsascala u l-madwar ġab miegħu żieda fid-domanda għall-elettriku.
Għaldaqstant, din iż-żona kienet ta’ prijorità għall-Enemalta fit-twettieq tal-Pjan fit-tul għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tagħha li bdiet fix-xhur li għaddew.
Sadanittant għaddej proġett ieħor simili fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Imrieħel. Dawn ix-xogħlijiet ta’ tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni li twassal l-elettriku lill-klijenti, huma parti mill-pjan b’investimenti ta’ €90 miljun fuq sitt snin li Enemalta ħabbret aktar kmieni din is-sena.
Fl-aħħar xhur il-Kumpanija wettqet diversi interventi ta’ tisħiħ tal-provvista’ tal-elettriku f’diversi lokalitajiet kemm b’cables ta’ vultaġġ għoli, ġodda u anke bit-tibdil ta’ wires fit-toroq, kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ 25 substation ġdida f’diversi lokalitajiet kemm f’Malta u anke f’Għawdex.