Wara li beda x-xogħol f’Marzu 2019 mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ir-restawr fuq il-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi se jitlesta sal-bidu tal-2021.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq din il-knisja li tmur lura għall-1650 u stqarr li, “permezz ta’ interventi ta’ din is-sura qegħdin niżguraw li ġawhar storiċi bħal din huma protetti b’mod li jkunu wkoll disponibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li wkoll naħdmu lejn it-tisħiħ tal-prodott kulturali tagħna.” Bonnici faħħar ukoll ix-xogħol li jagħmel id-Direttorat tar-Restawr li attwalment għaddej b’xogħlijiet ta’ restawr f’bosta siti storiċi biex inkomplu nippreservaw il-wirt lokali tagħna.
Ir-restawr fuq il-parti ta’ barra tal-binja proċeda b’mod kostanti. Fil-fatt sal-lum il-ġurnata, tlesta r-restawr tal-koppla minn barra. Ġew restawrati wkoll il-pilastri u l-arkata li jreġgħu l-qanpiena u strutturi oħra li jinsabu fuq barra fil-livell tas-saqaf. Apparti minn hekk il-faċċata esterna li tħares lejn il-Grigal wkoll ġiet restawrata. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-tindif tal-wiċċ tal-ġebla minn ħmieġ u depożiti oħra akkumulati matul is-snin, iż-żamma u l-konsolidazzjoni tad-deffun oriġinali tas-saqaf u tal-koppla tal-knisja; il-bdil limitat u lokalizzat ta’ ġebel li saritlu ħsara jew iddeterjora b’mod estensiv; l-użu tat-teknika tal-plastic repair biex jiġi kkonsolidat ġebel li juri deterjorazzjoni; ir-restawr tal-aperturi tal-injam fuq il-faċċata tal-Grigal; it-tindif ta’ dorog tal-ilma u l-installazzjoni ta’ katusi tat-terracotta bil-għan li tiġi eliminata l-infiltrazzjoni ta’ ilma tax-xita fil-knisja.
Wara li ntrama l-iscaffolding mal-faċċati ta’ barra li jagħtu fuq ix-Xlokk u Lbiċ, kif ukoll ta’ scaffolding fuq il-parti ta’ ġewwa tal-knisja, qegħdin isiru, b’mod parallel, xogħol ta’ restawr u investigazzjonijiet preliminari f’dawn il-partijiet. Ħafna mill-interventi ta’ restawr li se jsiru fuq il-faċċati esterni msemmija se jkunu simili għal dawk li diġà twettqu fuq il-faċċati l-oħra. Madankollu, il-ġebel tal-kontraforti estern, li huwa maħsub li nbena fil-bidu tas-seklu 18 biex irażżan moviment strutturali, qed jesebixxi ħsara partikolari li titlob interventi ta’ konsolidazzjoni u pinning. Sal-ġurnata ta’ llum tneħħa wkoll kisi tal-konkos li kien jgħatti bosta partijiet tal-ħitan ta’ ġewwa.
Investigazzjonijiet xjentifiċi qegħdin ukoll isiru fuq l-ħajt skuntrat ta’ wara l-artal, liema investigazzjonijiet qiegħdin jagħtu riżultati interessanti li jikkonfermaw il-fatt li l-artal u l-koppla kienu oriġinarjament dekorati b’mod polikromu. La darba tingħalaq din l-fażi ta’ investigazzjoni, se titfassal u tiġi implimentata metodoloġija speċifika ta’ restawr għal din iż-żona partikolari.
Ix-xogħlijiet qegħdin isiru mid-Direttorat tar-Restawr u huwa stmat li jilħqu l-€150,000.