Fi ftit tal-ġimgħat oħra, iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pazjenti, b’dehra rinnovata u b’ iżjed servizzi għall-pazjenti tal-akwati.
Dan qed isir b’ investiment ta’ €900,000 mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (l-NDSF).
Waqt żjara f’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, osserva l-progress tax-xogħlijiet.
Huwa ra kif, permezz tar-rinovazzjoni, minbarra s-servizzi li diġà kienu offruti minn Birkirkara s’issa, inħoloq spazju għal kamra oħra għall-visti tat-tabib tal-familja, żona ġdida għat-trattament urġenti, se jiżdiedu s-servizzi tal-fiżjoterapija, u se jiġu introdotti servizzi ġodda tal-oftalmoloġija, tal-ġinekoloġija, u tal-kura tat-trabi f’dan l-istess Ċentru.
Il-Ministru għas-Saħħa qal li, bl-investiment kontinwu fl-infrastruttura tas-servizzi tal-Kura tas-Saħħa Primarja, il-Gvern qed jirfina l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa mogħtija fil-komunità, li qed twassal biex iżjed nies jirċievu l-kura rispettiva fil-pront u viċin darhom.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar li bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ rinnovar fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi wuoll.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri, sostniet li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara se jkun wieħed mill-iktar ċentri moderni tal-pajjiż, u li fih se tintuża s-sistema tal-Electronic Patient Record. B’hekk se jkompli jinqata’ l-użu tal-files fiżiċi tal-pazjenti.
Hija spjegat li dan ifisser li pazjent jista’ jinqeda minn kwalunkwe Ċentru tas-Saħħa, għax id-dettalji mediċi tal-individwu jkunu aċċessibbli miċ-Ċentri kollha u mhux neċessarjament miċ-Ċentru tad-distrett fejn ikun joqgħod il-pazjent.
Hawn il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja spjegat li dan, “Il-Health Centre għadda minn fażi ta’ upgrade u manutenzjoni qawwija, li kellu bżonnha ħafna. Se jkollu apparati iktar moderni. Se jkun hawn servizzi li kien hawn qabel u anke servizzi ġodda li ma kienx hawn qabel, bħal baby clinic, u l-orthoptics, li huwa servizz tal-għajnejn li ma kienx hawn.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Kura tas-Saħħa Primarja għall-impenn kontinwu li juru, fl-interess tal-pazjenti.