Ix-xogħlijiet fuq il-proġett tax-shore to ship li ser jagħti nifs qawwi lill-akkwati tal-Port il-Kbir jinsabu fi stat aktar avvanzat minn dak prevvist.
Dan stqarru l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg meta żar ix-xogħlijiet li qed isiru fil-frequency converter station fil-Marsa, issa li ġew installati tliet frequency converters minn erbgħa li jinvolvi dan il-proġett.
Permezz ta’ dan il-proġett, it-tniġġis fl-arja li jikkawżaw il-bastimenti sorġuti fil-Port il-Kbir ser jonqos b’disgħin fil-mija għaliex ser ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom.
Il-Perit tal-proġett, Janice Borg spjegat li bl-installazjoni ta’ dawn il-frequency converters li huma element ta’ importanza kbira, issa ġejna pass eqreb għat-tlestija tal-proġett.
Borg tenniet, “L-iskop tagħhom kif jgħid isimhom stess huwa li jeqilbu l-frekwenza. Kif tafu hawn Malta l-frekwenza hija dik li ngħidulha 50 Hertz imma jista’ jkun li jiġu vapuri li l-frekwenza tkun ta’ 60 Hertz allura biex inħallu l-flessibilità, ikollhom jeħlu dawn li qed naraw warajna, hawnhekk hawn tlieta kif għidt tajjeb inti li huma jkunu jistgħu jeqilbu l-frekwenza skont il-vapur.”
Dawn it-tliet converters ser iservu n-naħa tal-Belt Valletta u fil-fatt, jinsabu ħdejn il-mollijiet ta’ Pinto u ta’ Deep Water Quay filwaqt li mistenni jiġi installat frequency converter ieħor man-naħa ta’ Boiler Wharf fl-Isla.
Infrastruttura Malta kompliet tinstalla tagħmir ieħor u għexieren ta’ kilometri ta’ cables tal-elettriku, spjega l-Ministru Borg hekk kif tenna li din il-faċilità ser tkopri diversi postijiet u bastimenti.
Il-Ministru stqarr, “Għandek numru ta’ postijiet fejn ser ikollok din il-faċilità, prattikament huwa l-Port kollu imma l-Port għandu numru ta’ bankini fejn il-bastimenti tal-passiġġieri u tal-merkanzija ser ikollhom issa l-faċilità li ma jdaħħnux iżjed għax jitfu l-magni u jeqilbu fuq l-elettriku u hekk inkunu wkoll wieħed minn tal-ewwel portijiet fl-Ewropa illi propju jkollu faċilità bħal din ħalli jkollna kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ inqas tniġġis fl-arja.”