B’investiment ta’ aktar minn erba’ miljun ewro, li huma ko-finanzjati minn fondi Ewropej, għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ Buġibba, tant li aktar minn nofsu hu lest.
Il-breakwater il-ġdid, li se jkun akbar minn dak li kien hemm, se jinkludi l-post fejn jitrakkaw il-ferries biex jibdew joperaw il-vapuri li diġà joperaw fil-Belt Valletta, Bormla u Tas-Sliema.
Żaru l-lant tax-xogħol id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Chris Fearne, u l-Ministru għall-Infrastruttura Chris Bonett.
Hawnhekk intqal li dan il-proġett hu xhieda tal-impenn qawwi tal-Gvern lejn titjib fl-aċċessibbiltà u l-vijabilità tat-trasport pubbliku marittimu bħala alternattiva minflok it-trasport bil-karozzi.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne tenna dwar l-importanza tal-proġetti favur l-ambjent u l-impatt pożittiv tagħha fuq il-kwalità tal-arja tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Dan ħa joffri aktar għażla, aktar alternattivi liċ-ċittadini u residenti Maltin, kif ukoll lit-turisti biex jużaw trasport pubbliku, flok il-karozza privata, u b’hekk inkomplu nħarsu aktar il-kwalità tal-arja, li hi tajba għall-ambjent, imma fuq kollox tajba għas-saħħa tagħna u għas-saħħa ta’ wliedna.”
Il-Ministru Bonett spjega kif l-investiment fl-infrastruttura marittima, bħal breakwaters u mollijiet, hu imperattiv għat-trasport bil-baħar f’pajjiżna, kemm għall-konnettività taċ-ċittadini Maltin kif ukoll għall-influss tat-turisti li jiffrekwentaw din iż-żona.
“Għalhekk wara s-suċċess li kellna kemm bil-ferry ta’ bejn il-Belt u l-Kottonera, u l-Belt u Tas-Sliema, qegħdin noħolqu dan il-breakwater, li se jkun fih il-ferry landing tiegħu wkoll, biex nipprovaw nespandu l-idea tal-ferries tagħna.”