Għaddejjin b’ritmu mgħaġġel ferm ix-xogħlijiet tar-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Mellieħa, li qed isiru b’investiment ta’ żewġ miljun ewro.
Il-parti tal-pjazza ta’ quddiem il-Knisja mistennija titlesta sas-sajf li ġej, filwaqt li se jkun qed jitkompla x-xogħol ta’ riġenerazzjoni wara l-bini tal-knisja.
Preżenti waqt iż-żjara kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, li stqarr li din il-lokalità, li fiha tlettax-il lukanda, għandha jkollha l-aqwa spazji għal kull min iżurha.
Huwa ddeskriva dan l-investiment bħala ċertifikat ħaj tal-ħidma bejn numru ta’ entitajiet governattivi, din id-darba bejn l-Awtorità għat-Turiżmu u l-Infrastructure Malta.
Il-Ministru fakkar ukoll li, b’differenza minn gvernijiet preċedenti, dan il-Gvern qiegħed iwettaq dak li wiegħed f’din il-lokalità.
“Dan huwa proġett li kien ilu jiġi mwiegħed ’il fuq minn ħamsa u għoxrin sena, u issa qed naraw li fi ftit xhur oħra dan il-proġett ikun lest sabiex jitgawda kemm mit-turisti li jżuru lil pajjiżna u anke mill-familji Maltin u Għawdxin li jagħżlu din id-destinazzjoni biex iqattgħu ftit ħin ta’ kwalità mal-familja tagħhom.”
Intant, il-Ministru għall-Infrastruttura, Aaron Farrugia, stqarr li investimenti bħal dawn huma xempju ta’ infrastruttura għan-nies għax permezz tagħhom il-Gvern qed jagħti ħajja ġdida lil dan l-ispazju.
Huwa ta spjegazzjoni ta’ kif, apparti d-dehra estetika tagħha, din il-pjazza se tkun atrezzata bl-aqwa servizzi għal kull min jiffrekwentaha.
“Qed naraw ix-xogħol, li issa qed jieħu l-forma tiegħu, jilħaq il-milja tiegħu lejn is-sajf li ġej, u hemm se jkollok, issa, post ġdid b’servizzi ġodda, imma anke riġenerazzjoni li tagħti dinjità lil din il-pjazza, li l-Melliħin jużaw.”