Infrastructure Malta qed toqrob lejn it-tlestija tal-fażi finali tal-proġett fin-naħa t’isfel tax-xatt tal-proġett tax-Shore-to-Ship, hekk kif għaddej l-ittestjar tat-tagħmir elettriku f’Boiler Wharf fl-Isla. Din il-parti tal-proġett tinsab 95% lesta. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett waqt żjara fuq il-post.
Infrastruture Malta spjegat kif bħalissa qed tittestja s-sistemi elettro-mekkaniċi kollha, inklużi il-cables, transformers, frequency converters, distribution boards u switchgear. Barra minn hekk qed isir testjar tas-sistemi ta’ kontroll u superviżjoni, dawk li jipproċessaw id-data, is-sistemi ta’ back-up u tat-tifi tan-nar. Fil-jiem li għaddew, Infrastructure Malta iffinalizzat l-ittestjar fuq il-vetturi ta’ konnessjoni u l-krejnijiet li se jissupplixxu l-elettriku lill-cruise liners fil-Port il-Kbir.
Il-frequency converter station beħsiebu jipprovdi provvista tal-enerġija fuq ix-xatt sa 16-il megavolt-ampere lil dawn il-cruise liners. Il-faċilità hija enerġizzata permezz ta’ cable network ta’ 33 Kilovolt imqabbad maċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tat-Tramuntana tal-elettriku fil-Marsa.L-istazzjon tal-frequency converters huwa mibni f’barrakka industrijali antika f’Boiler Wharf fl-Isla. Infrastructure Malta qed tiffinalizza r-restawr u l-konservazzjoni tal-barrakka bħala parti mill-wirt industrijali lokali.
Barra minn hekk għaddejin xogħolijiet fin-naħa tat-Tramuntana tal-Port fuq skala ferm akbar. In-naħa tat-tramuntana tal-Port se tkun tista’ tipprovdi l-elettriku lil erba’ vapuri f’daqqa, filwaqt li s-sistema hija mqassma fuq erba’ mollijiet. Żewġ cables ta’ 33 kilovolt se jelettrifikaw lit-tagħmir tal-frequency converter station tal-proġett f’Deep Water Quay fil-Marsa. Fil-Marsa, tlestew 90% tax-xogħlijiet, bl-ittestjar u l-ikkummissjonar tat-tagħmir skedat biex jibda dalwaqt.
Ġie spjegat kif il-proġett shore-to-ship fit-Tramuntana tal-Port u dak f’Boiler Wharf huwa investiment ambjentali biex jitnaqqas 90% tat-tniġġis tal-arja mill-cruise liners fil-Port il-Kbir. Permezz ta’ dan il-proġett, il-port se jkun mgħammar bl-infrastruttura elettrika kollha meħtieġa biex il-cruise liners jitfu l-magni tal-gasoil jew heavy fuel oil tagħhom u jqabbdu l-elettriku max-xatt. Dawn il-faċilitajiet se jelettrifikaw is-sistema abbord tal-vapur waqt li jkun irmiġġat fil-port, u jtejbu l-kwalità tal-arja għal 17,000 familja li jgħixu fiż-żona tal-Port il-Kbir.
Il-Ministru Aaron Farrugia tkellem dwar is-sinifikat ta’ dan il-proġett, partikolarment għall-familji li jgħixu qrib iż-żona tal-Port il-Kbir. Huwa qal li dan l-investiment sinifikanti se jtaffi t-tbatija tal-familji fl-inħawi, li ilhom għal żmien twil milquta mit-tniġġis li joħroġ mill-cruise liners. Hu żied jgħid li dan il-proġett se jnaqqas drastikament l-emissjonijiet ikkawżati mill-cruise ships waqt li jkunu qed iżuru Malta. Il-Ministru qal li issa l-cruise liners jistgħu jitfu l-magni tagħhom u jniġġsu 93% inqas ossidi tan-nitroġenu, 92.6% inqas particular matter u 99.6% inqas dijossidu tal-kubrit.