Hekk kif tħabbar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tar-raħal ta’ Marsaxlokk, bdiet tingħata iktar informazzjoni lir-residenti u lil kull min għandu x’jaqsam mal-villaġġ, propju fis-sit l-iktar bieżel tal-villaġġ.
Fil-pjazza tar-raħal, ix-Xlukkajri kellhom iċ-ċans jagħtu l-kontribut tagħhom għal dan il-proġett, kif ukoll ingħataw aktar informazzjoni dwaru.
Dan il-villaġġ huwa simbolu ta’ dak kollu li huwa Malti, mis-swieq sal-baħar. Villaġġ li skont ir-residenti ħaqqu jingħata nifs ġdid wara li għamel żmien twil minsi.
Wara li tħabbar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-villaġġ tas-Sajjieda ix-Xlukkajri kien ħaqqhom iktar informazzjoni u ċ-ċans li jgħaddu xi ħsibijiet.
Setgħu jagħmlu dan qabel mawra sas-suq tradizzjonali jew l-ikla ta’ wara nofsinhar.
Dan permezz ta’ stand li ttellgħet apposta marbuta mal-proġett ta’ sitt miljun ewro li se jsebbaħ il-lokal.
Fil-kummenti tagħhom ma’ ONE News, il-pubbliku deher li apprezza li kellu ċ-ċans jagħti kontribut dirett lejn il-proġett biex dan jolqot l-interessi ta’ kull min għandu x’jaqsam mal-villaġġ, kemm jekk huma residenti, u kemm jekk għandhom xi negozju hemmhekk.
Ir-riġenerazzjoni ta’ Marsaxlokk mhux l-uniku proġett li se jkompli jsaħħaħ l-identita’ ta’ dawn l-inħawi, l-pixxina ta’ Birżebbuġa hija eżempju ieħor ta’ kemm taħt din l-amministrazzjoni l-proġetti mhux biss jitħabbru, imma wkoll jitwettqu.