Il-Kamra tax-Xjenzati ta’ Malta esprimiet solidarjetà sħiħa mal-każ tat-tliet studenti Universitarji u l-lettur tagħhom, li wara li sentejn ilu sabu difetti fl-app tas-sit tal-istudenti, FreeHour, ġew akkużati fil-Qorti b’hacking.
Michael Debono, Giorgio Griogolo u Luke Bjorn Scerri kienu interrogati mill-Pulizija wara tfittxijiet u sekwestru tal-kompjuters tagħhom, b’riżultat ta’ rapport mill-istess FreeHour.
Il-lettur tagħhom Mark Joseph Vella wkoll qed jiġi mixli b’kompliċità.
Fi stqarrija tal-Kamra tax-Xjenzati ngħad li l-hacking etiku għandu rwol kritiku li jidentifika l-vulnerabbiltajiet f’diversi applikazzjonijiet u l-istudenti u l-lettur tagħhom kixfu difetti ta’ sigurtà fil-FreeHour u, b’hekk, salvagwardjaw d-dejta personali ta’ dawk kollha li jużaw il-pjattaforma.
Għaldaqstant tenniet li dawn aġixxew b’intenzjoni tajba u l-akkużi kontrihom għandhom jitwaqqgħu.
B’rabta ma’ dan il-każ f’intervista l-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-laqgħa tal-Kabinett li jmiss se tiġi diskussa politika ġdida li l-għan tagħha huwa li jiġi regolat dan il-qasam emerġenti ta’ xogħol biex b’hekk anke jiġu implimentati salvagwardji lil min jaħdem f’dan il-qasam fosthom dawk li jiskopru vulnerabbiltajiet f’sistemi diġitali. Din il-politika li hija mfassla mill-MDIA b’ħidma bejn il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Ministeru għall-Intern, se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika.