Fl-24 u l-25 ta’ Settembru se jerġa’ jsir il-festival tax-Xjenza fil-Belt, li din is-sena se jkun imqassam f’attivitajiet online u oħrajn fit-teatri fil-kapitali.
Dan l-avveniment se jidħol fl-għaxar edizzjoni u t-tema magħżula għal din is-sena hija Sowing Seeds, għaliex permezz ta’ attivitajiet interattivi fix-xjenza se tinżera l-imħabba lejn ix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni fit-tfal biex jaqbdu t-triq li tista’ twassalhom għal skoperti ġodda.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Università ta’ Malta, Dr Edward Duca tenna li l-għan ewlieni huwa li tinħoloq kultura ta’ impenn lejn ix-xjenza.
Qal, “Sowing seeds hija vera importanti għalina gġax irridu ż-żerriegħa tar-riċerka u l-innovazzjoni tolqot kull aspett tas-soċjetà Maltija. Dan huwa vera punt importanti li taffetwa lil politikanti, ċittadini, l-industrija għax kollha għandhom rwol fis-soċjetà Maltija.”
Ix-xjenza, illum aktar minn qatt qabel nifhmu l-importanza tagħha, u permezz ta’ dan il-festival ix-xjenza se toħroġ ‘il barra mil-laboratorju.
Spjega, “Ix-xjenza mhix xi ħaġa li hija magħluqa f’laboratorju biss imma tiżviluppa mbgħad aktar ‘il bogħod minn hekk għalhekk naħseb li importanti li neħduha barra.”
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Pro-Rettur tal-Università għall-Affarijiet tal-Istudenti il-Professur Carmen Sammut.
Il-Professur Sammut tenniet li l-Università hi mpenjata li tippromovi x-xjenzi fis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà u fost gruppi inqas rappreżentati.
Kompliet tgħid li hija partikolarment attiva fil-promozzjoni tal-karrieri marbuta max-xjenza fost il-bniet.
Intant, il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici tenna li l-Gvern huwa kommess li jidħol għal aktar sforzi biex jiżdied l-għarfien fil-komunitajiet.
Fisser dan il-festival bħala mod eċċellenti biex titqajjem kuxjenza dwar dawk il-pilastri importanti tal-ġejjieni fost il-pubbliku.
Qal, “Waħda mill-aktar affarijiet importanti huwa li l-qasam tax-xjenza, l-innovazzjoni u r-riċerka tiftaħ il-bibien beraħ biex tkompli tkabbar kuxjenza fit-tfal, fil-ġenituri, fin-nanniet u fil-poplu kollu inġenerali.”