Ngħidu li bix-xita u x-xemx, il-muna bil-ġiri ma tintemmx.
U tassew huwa hekk għaliex kemm ix-xita u x-xemx huma bħal żewġ ingredjenti li jgħinu fit-tkabbir tal-ħxejjex.
Ix-xita li għamlet kontinwament tul il-ġimgħa l-oħra kienet barka mis-sema għall-bdiewa Maltin li bħalissa għaddejjin bit-tħawwil tal-frawli fost l-oħrajn.
Fil-Mellieħa ltqajna mal-Bidwi Marjan Cini li spjegalna kif ix-xita kontinwa li għamlet il-ġimgħa l-oħra kienet bżonnjuża immens mill-uċuħ nexfin tar-raba Maltija wara x-xhur tas-Sajf.
Huwa qalilna, “Kienet bżonnjuża ħafna hux fuq snin xotti anke s-siġar kienu qed imutu u għamlet xita bil-għaqal ħafna. Kienet bil-mod u kontinwa.”
Cini spjega kif il-bidwi huwa l-ewwel wieħed li jħoss l-effetti tat-tibdil fil-klima.
Stqarr kif il-maltempati qawwija li ġieli jagħmlu f’pajjiżna f’dan iż-żmien tas-sena jikkawżaw ħsarat kbar.
Stqarr kif għalhekk ix-xita li għamlet il-ġimgħa l-oħra ġabet soljev flok diżgrazzja: “It-tibdil fil-klima inħossuh ħafna hux il-maltempati li kien qed ikollna jiġifieri jagħmlulna ħafna ħsara hux. L-ewwel li nlaqtuha aħna l-bdiewa hux għax ma jibqgħalna xejn, joħdilna s-serer uwekk bħal ma ġieli ġara snin oħra imma issa din l-ewwel xita li għamlet kienet tajba għallinqas bdejna mhux bħal ġirien tagħna li għerriqhom.”