Ix-xita li għamlet fl-aħħar jiem, ma tantx kienet ta’ ġid għall-prodotti agrikoli li l-bdiewa qed jaqilgħu bħalissa, fosthom il-basal u l-qargħa.
Dan stqarru magħna l-bidwi Marjan Cini, fejn fl-għalqa tiegħu fil-limiti tal-Mellieħa spjega kif kieku x-xita ġiet fl-aħħar tax-xahar, kien ikun aħjar.
Qal, “Xita barra minn żmienha, għalkemm ix-xita hija dejjem tajba, imma bħal basal u jkun għadu ma nġabarx ma tantx jieħu pjaċir u bħal qargħa aħmar li jkun għadu ma nġabarx. Is-siġar jieħu pjaċir bix-xita, tħobb ħaġa tobgħod oħra hu. Kieku ġiet wara Santa Marija, ħmistax oħra aħjar milli llum.”
Il-bidwi Malti nnota wkoll kif minn sena għall-oħra t-temp qed jitħawwad, u minħabba x-xemx qawwija, il-bdiewa qed jaraw il-prodotti tagħhom jinħarqu.
Qal, “It-temp tħawwad anke x-xemx qawwija taħraq ħafna prodotti qiegħda, bħal dulliegħ anke frott tal-għadma ħarqet ħafna din is-sena. It-temp tħawwad u fejn mhux soltu tagħmel xita saret tagħmel ix-xita.”
Marjan qalilna wkoll kif issa daqt jibdew jaħdmu r-raba’ biex jibdew iħawlu l-frawli, frotta ferm imfittxija mill-Maltin u l-Għawdxin.
Qal, “Issa nibdew nippreparaw għall-frawli nibdew nippreparaw u naħdmu l-art biex inħawlu l-frawli. Issa fl-aħħar ta’ dan ix-xahar u l-bidu ta’ Settembru jibda ħafna tħawwil tal-frawli.”