Fil-jum magħruf bħala Black Friday madwar id-dinja bosta japprofittaw ruħhom mill-prezzijiet imraħħsa li joffru l-ħwienet.
F’pajjiżna wkoll bosta jkunu qed jistennew din il-ġurnata sabiex jibbenefikaw minn prezzijiet vantaġġjużi offruti mill-ħwienet lokali.
Dan il-jum li oriġina mill-Istati Uniti u kompla jinfirex madwar l-Ewropa, kull ma jmur qed isir aktar popolari mal-Maltin.
Iżda bħas-sena li għaddiet, fi Black Friday ta’ din is-sena ddomina x-xiri online.
Dan il-fattur deher biċ-ċar hekk kif barra l-ħwienet ma kienx hemm serbut twil ta’ nies jistennew.
ONE News żar diversi stabbilimenti matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, fejn iltqajna ma’ nies li xorta preferew jagħmlu x-xiri tagħhom billi jkunu preżenti fiżikament fl-istabbilimenti.
Tkellimna wkoll ma’ direttur ta’ stabbiliment tal-ħwejjeġ fil-Ħamrun, Ċettina Said, li qalet kif l-iskontijiet f’dan il-jum saru mistennija mix-xerrejja lokali.
Qalet, “Black Friday mhux qed tieħu biss ġurnata waħda, imma anke qed tieħu forma, hawn min anke xahar, ġimgħa, ġranet, ovvjament weekends. Imma din il-Black Friday nista’ ngħidlek iva qed tkun mistennija minn ħafna nies, għaliex ovvjament qegħdin jiffrankaw.”
Hija qaltilna wkoll kif Black Friday hija l-ewwel opportunità għax-xiri tal-Milied.
Spjegat, “Black Friday qegħda l-first Christmas shopping għan-nies. Iva n-nies qed jieħdu l-opportunità li fil-Black Friday jiġu jagħmlu x-xiri tar-riġali għal Milied. Ovvjament dak li jkun qed jiffranka, qed jieħu gost jiffranka. Allura għaliex le jiġu u jagħmlu x-xiri tal-Milied.”
Xhieda ta’ dawn huma n-nies li ltqajna magħhom, li qalulna bl-iskontijiet li ser jibbenefikaw minnhom u r-rigali tal-Milied li xtraw bi prezz imraħħas.
Ċettina Said qaltilna wkoll kif bosta stabbilimenti lokali saru joffru skontijiet vantaġġjużi fil-jiem ta’ qabel din il-ġurnata tant maħbuba minn min iħobb jixtri filwaqt li jiffranka xi ħaġa.
Qalet, “Din is-sena ovvjament aħna kulħadd ħaseb minħabba l-pandemija, allura m’għamluhiex f’ġurnata waħda u kienet tagħmel sens li ma tagħmilhiex f’ġurnata waħda. U forsi anke min jaħdem u ma jkollux ċans, jixtru bil-kumdità, għaliex le, weekend jew forsi ġimgħa biex dak li jkun ikun relax u jixtri aktar bil-kwiet.”