Fil-Qrati kompla l-ġuri b’rabta mas-serqa minn ristorant Taljan u li fiha nqatel il-kok tlieta u għoxrin sena ilu.
Kien imiss li jixhed Fabrizio Comandini, li kien jaħdem mal-vittma Vittorio Cassone.
Comandini sostna li dak iż-żmien kien ilu tlett snin jgħix f’Malta u kif daħal l-aggressur b’wiċċu mgħammad permezz ta’ tights f’rasu huwa sema’ għajjat u sparatura.
Kien f’dan il-mument li mar jiġri u żamm lil vittma li spiċċa b’toqba f’sidru, ħa tlett nifsijiet u ntelaq għal mejjet.
Hekk kif kien qed jirrakonta x-xhieda tiegħu, ix-xhud ġie mistoqsi jekk jgħarrafx lil qattiel u huwa sostna li huwa dak li jinsab fl-iżbarra.
L-akkużat f’dan il-każ ma jistax jixxandar ismu minħabba li meta wettaq l-allegat qtil kien għadu taħt l-età.