Il-protagonisti wara l-frame-up ta’ Egrant, kienu qed jagħtu verżjonijiet kontradittorji meta ssejħu quddiem l-inkjesta maġisterjali.
Dan fl-istess ħin li pubblikament kienu lkoll qed jirrepetu l-gidba li Egrant hija tal-familja tal-Prim Ministru.
Il-gazzetta kullħadd irraportat kif meta wieħed idur ix-xhieda li hemm fl-inkjesta ta’ 1,500 paġna jsib diversi partijiet fejn dawk li kienu qed isostnu din il-gidba, mhux biss ma qablux ma’ xulxin, iżda lanqas kienu konsistenti mal-verżjonijiet tagħhom stess. Tant li kif sar magħruf fl-aħħar jiem, l-inkjesta titlob ukoll passi kriminali.
F’diversi waqtiet, l-Imħallef Aaron Bugeja, dak iż-żmien il-Maġistrat inkwirenti, kellu juża n-noti fil-parti ta’ isfel tad-dokument biex jispjega kif Maria Efimova, ir-Russa eks impjegata mal-bank Pilatus, u Daphne Caruana Galizia ma qablux flimkien.
Efimova xehdet erba’ darbiet u minn xhieda għal oħra anke mal-verżjonijiet tagħha stess tfixklet jew bidlet dak li qalet.
Fl-istess sitwazzjoni Pierre Portelli li mal-Partit Nazzjonalista pubblikament kien qed jirkeb fuq l-istorja li Egrant hi tal-familja Muscat. B’verżjonijiet differenti wkoll fix-xhieda tiegħu l-Eks Spettur Jonathan Ferris.
“Hawnhekk hawn diskrepanza oħra,” jikteb l-Imħallef f’paġna 445 fejn iżid li “għal darb’oħra, Efimova qiegħda tixhed bil-kontra ta’ dak li kitbet u xehdet Daphne Caruana Galizia.” F’parti oħra tax-xhieda, f’paġna 434, kien innotat kif Maria Efimova kienet qalet li d-dokumenti li kellha Daphne Caruana Galizia ma kinetx ġabithom mingħandha.
l-Imħallef Bugeja kellu jerġa’ jikkjarifika: “Dan huwa eżatt bil-maqlub ta’ dak li xehdet Daphne Caruana Galizia,”. Matul l-inkjesta, Maria Efimova qalet għal ħafna drabi li hi la qatt kellha dokumenti, la skennjat dokumenti u wisq inqas żammet kopja. Xi ħaġa li issa li l-inkjesta giddbitha qed tgħid bil-kontra tagħha. Anke fuq meta ltaqgħet l-ewwel darba ma’ Daphne Caruana Galizia ma kinitx korretta. Meta kien qed janalizza dikjarazzjonijiet oħra ta’ Efimova dwar
suġġetti differenti kien hemm referenzi kontinwi għal dubji li tqajmu. “Dan iwassal għal dubju kemm Efimova kienet rat dawn il-payment instructions,” kien innotat f’parti oħra tal-inkjesta li għalkemm ma kinetx qed titkellem dwar Egrant ukoll qajmet dubju kbir dwar il-kredibbiltà ta’ Efimova. L-inkjesta dwar ir-rapport Egrant ippubblikata b’mod sħiħ uriet għall-ewwel darba kif il-Maġistrat ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija jiftaħ proċeduri kriminali kontra Maria Efimova fuq kalunnja.
Għal dan il-għan il-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed jiġi ordnat sabiex jibda proċeduri kriminali kontra Maria Efimova għar-reat ta’ kalunnja skont il-Liġijiet ta’ Malta u ta’ ġurament falz ai termini l-Kodiċi Kriminali, kif ukoll biex jittieħdu passi kontra persuni oħra li uża ħafna l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin. Tul is-snin Maria Efimova sabet il-protezzjoni ta’ uffiċjali għolja tal-Partit Nazzjonalista fosthom l-Eks Kap Simon Busuttil u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa. Dan tal-aħħar flimkien mal-Eks Segretarju Privat ta’ Austin Gatt, Manuel Delia, jiffinanzjaha.
L-inkjesta tgħid ukoll li Hemm diversi punti li Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia ma bdewx jaqblu fuqhom kemm bejniethom kif ukoll separatament mal-kumplament tal-evidenza miġbura.
Il-Maġistrat insista li fost il-kwistjonijiet fejn kien hemm xhieda, ma rriżultatx li kien hemm aspetti importanti u kruċjali. “Irriżultaw jew inkompatibbli ma’ xulxin jew kompletament meruti mill-provi miġbura,” qal il-Maġistrat li ta lista twila ta’ fejn ma qablux.