Għal Jum il-Missier, f’dawn il-ġranet bosta missirijiet se jaqilgħu rigal jew kartolina mingħand uliedhom.
Iżda għal missier anzjan li ltqajna miegħu biex nisimgħu l-istorja tiegħu, Jum il-Missier se jfisser biss tbatija, u minflok se jaqla’ rigal bħal ħafna missirijiet oħra, qed jieħu l-għajnuna peress li safa’ vittma ta’ vjolenza domestika minn ibnu stess.
Fil-binja tal-Victim Support Agency fil-Belt, li minnha qed jiġi offrut l-id ta’ appoġġ mill-professjonisti, iltqajna ma’ dan il-missier li bħalissa għaddej mill-kalvarju tal-ħajja minħabba li ibnu qabad il-vizzju tad-droga.
B’vuċi miksura ta’ missier li jixtieq biss il-ġid għal ibnu, huwa qalilna kif ħajtu u ħajjet il-familja, inbidlet ta’ taħt fuq.
“Għall-grazzja t’Alla kelli familja tajba ħafna. Ħdimna tant għaliha. Kelli tifel mess mad-droga u minn dakhinar ’l hawn il-familja kissirieli. L-istorja nbdilet mil-lejl għan-nhar.”
Li jara lil ibnu jinqered bid-droga u ma jfittixx l-għajnuna, hija wkoll weġgħa kbira għal dan il-missier.
M’hix faċli li tfejqu ilni naħdem ħafna. Ma norqodx, kemm jien u ommu u ħutu. Storja tal-waħx.”
Bħal kull missier, l-anzjan qalilna li minkejja li ibnu stess wettaq vjolenza domestika fuqu, huwa xorta se jibqa’ jagħmel dak kollu possibbli biex jgħinu jegħleb il-vizzju tad-droga.
“Jiena bħalissa ħajti moħlija warajh. Jiena missieru x-xewqa tiegħi hi, qabel immut li nfejqu.”
F’dan il-passaġġ ta’ dlam, il-missier sab raġġ ta’ dawl mill-Victim Support Agency, li qed isegwu l-każ tiegħu ġurnata b’ġurnata.
“Tlajt il-Qorti u telgħet miegħi. Kienu ta’ sapport kbir għalija. Għidtilkom minn xiex għaddej, jien bniedem dgħajjef. Meta ssib lil xi ħadd miegħek jissapportjak ma hemmx prezz. Meta kellimtha dejjem tatni kuraġġ u fil-mument li qiegħed fih bħalissa l-kuraġġ jiswa ħafna.”
Il-missier appella lil dawk kollha li huma vittmi bħalu, biex ifittxu l-għajnuna.
In-numru tal-Victim Support Agency, li jaħdmu ma’ vittmi ta’ aġir kriminali, huwa 116 006 u l-linja tkun miftuħa mis-7:30am sas-7:30pm.
Sa issa, l-aġenzija toffri s-servizzi tagħha mill-uffiċċju tal-Belt u minn tliet ċentri reġjonali, f’Santa Luċija, fil-Qawra u fix-Xewkija Għawdex. Fost is-servizzi bla ħlas li toffri din l-aġenzija, hemm servizzi emozzjonali u psikoloġiċi, għajnuna legali kif ukoll issegwi u tagħti servizz ta’ aċċess għal informazzjoni jew aġġornamenti dwar rapporti li jsiru lill-pulizija.
F’sentejn li ilha mwaqqfa l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Kriminalità, diġà għenet madwar 3,000 vittma li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn il-15 u t-80 sena, bil-maġġoranza ta’ dawn il-persuni kienu vittmi ta’ reati relatati ma’ vjolenza domestika, segwiti minn frodi u serq, insulti u theddid, ħsarat fuq proprjetà, swat u vjolenza oħra ta’ natura fiżika.