Ix-xewqa tal-President-elett Myriam Spiteri Debono hi li l-jum tal-ġurament tal-ħatra tagħha jkun il-festa tan-nies. Dan intqal mill-Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern, Aaron Zahra, f’kumment ma’ ONE News, fejn spjega x’se jiġri l-Ħamis erbgħa t’April, fil-jum meta n-Nutara Spiteri Debono ssir il-ħdax-il President tar-Repubblika.
Zahra qal li, fl-aħħar jiem, saret laqgħa bejn l-entitajiet konċernati tal-Gvern, flimkien mal-Uffiċċju tal-Ispeaker u l-Uffiċċju tal-President.
Hawnhekk hu spjega li għall-ħabta tad-disgħa u nofs, Myriam Spiteri Debono, flimkien ma’ qrabatha, se titlaq mid-dar tagħha f’Birkirkara, fejn imbagħad fl-għaxra ta’ filgħodu ssir quddiesa solenni għal art twelidna, ikkonċelebrat mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.
“Wara l-quddiesa, il-President-elett, flimkien man-Nutar Dr Spiteri Debono jimxu mill-Kon-Katidral, jimxu lejn Triq ir-Repubblika flimkien mal-familja tagħhom u hemmhekk nappellaw biex il-pubbliku Malti u Għawdxi, jiġi bi ħġaru fit-toroq tal-kapitali biex jagħti merbħa sabiħa lill-President-elett, flimkien mal-familja tagħha.”
Aaron Zahra – Kap tal-attivitajiet tal-Gvern
L-attenzjoni mbagħad iddur fuq il-Palazz tal-Gran Mastru, proprjament fis-Sala tat-Tron, hekk kif se ssir seduta Parlamentari speċjali mmexxija mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Hawnhekk, Spiteri Debono tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-Kap tal-Istat ta’ pajjiżna.
Wara diskors tal-okkażjoni, hi ssellem lin-nies preżenti miġbura fi Pjazza San Ġorġ mill-gallarija tal-Palazz Presidenzjali.
Fi Pjazza San Ġorġ, il-President il-ġdida tispezzjona l-ewwel Gwardja tal-Unur tagħha bħala l-ħdax-il Kap tal-Istat fl-aħħar ħamsin sena.
Sussegwentement se tpoġġi kuruna tal-fjuri fuq il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana u tmur għall-ewwel darba fil-Palazz ta’ San Anton.
Hawnhekk hi se tiltaqa’ mal-ħaddiema tal-Palazz u wara jkollha laqgħat ta’ korteżija, l-ewwel mal-Prim Ministru Robert Abela u wara mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Il-Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern kellu dan l-appell ukoll…
“Nappellaw biex il-poplu Malti, għada matul il-ġurnata tal-ħatra, kemm jista’ jkun, kollha kemm aħna kburin bil-bandiera tagħna li tgħaqqadna lkoll u allura għada hi attività, festa nazzjonali. Għalhekk inħeġġu lil kulħadd biex għada, kemm għaqdiet u kemm individwi jtellgħu l-bnadar ta’ Malta bħala turija ta’ rispett lejn l-Eċċellenza Tagħha, il-President, anke bħala sinjal ta’ għaqda.”
Aaron Zahra – Kap tal-attivitajiet tal-Gvern
Il-Ħamis, ONE se jtella’ xandira u programm speċjali mit-tmienja u nofs ta’ filgħodu ’l quddiem, ippreżentat minn Antoinette Falzon u bi produzzjoni tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE.