Il-Ġimgħa l-ħwienet f’Malta u f’Għawdex qamu għall-ġurnata tal-iskontijiet, il-Black Friday. Jum li normalment jara serbut twil ta’ konsumaturi quddiem l-istabbilimenti lesti biex jakkwistaw prodotti b’prezz imraħħas.
Iżda din is-sena hija waħda ferm differenti, hekk kif in-nies flok qamu minn kmieni filgħodu u stennew il-bieb tal-ħanut jinfetaħ, baqgħu fil-kumdità ta’ darhom u xtraw dak li riedu b’mod online.
Dan kien is-sentiment ta’ ħanut ewlieni li jbigħ diversi affarijiet elettroniċi u tad-dar, fejn ma’ dan l-istazzjon spjega li din is-sena raw żieda qawwija fil-bejgħ online.
Qal kif, “Li għamilna differenti din il-ġimgħa hija li flokk qsaminha flokk ġurnata waħda qassamniha f’ġimgħa sħiħa, bdejna minn Monday u fil-fatt illum differenza ma hemmx dawk il-kjuwijiet kbar li jkollna kull sena. Li għamilna importanti din is-sena li għamilna s-sales tagħna min jista’ jieħu l-offerti fil-fatt jista’ jordnahom online u dik rat żieda enormi imbgħad fuq l-online sales.”
L-attività għan-negozji żdiedet ukoll fil-Belt Valletta.
Dan grazzi wkoll għall-inizjattiva tal-Gvern li l-parkeġġ tal-MCP illum, u għall-festi tal-Milied huwa b’xejn.
Spjega kif, “Aħna qegħdin nieħdu ħsieb il-protokolli kollha meħtieġa. Illum hawn aktar nies mis-soltu… Naħseb li se tgħinna ħafna dik għax il-Belt li jkollna l-parkeġġ għall-klijenti b’xejn huwa importanti. Il-parkeġġ huwa parti kbira mill-bejgħ tagħna.”
Tkellemna ma’ xi xerrejja li qaluna kemm l-istabbilimenti qed jieħdu l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa bis-serjetà.
Ma naqasx li nistaqsuhom ukoll dwar xi xtraw u għal min.