Fit-tieni parti tal-konsultazzjoni lejn xandir inklussiv ġiet diskussa l-importanza li l-qasam tax-xandir f’pajjiżna ikun iżjed inklussiv u jkun hemm il-parteċipazzjoni bis-sħiħ tal-persuni neqsin mid-dawl.
Matul din id-diskussjoni, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela saħaq li jeħtieġ li l-programmi li jkunu mxandra fuq l-istazzjonijiet nazzjonali jaslu għand kulħadd, inkluż il-persuni b’diżabilità li kienu mċaħħda mill-bqija tas-soċjetà fil-passat.
Saħaq li qed tkun esplorata l-possibbilità li artikli li jitilgħu fuq siti online jinkludu l-awdjo sabiex persuna nieqsa mid-dawl ikunu jistgħu jsegwu xorta.
Qal, “Imma wkoll li aħna ninkludu iktar persuni li għandhom sfidi differenti fosthom, persuni li għandhom problema ta’ vista fid-dawl ta’ għajnejhom u allura rridu nħarsu lejn aktar inklużjoni billi dawn il-persuni wkoll ikun hemm programmi addattati għalihom ħalli b’hekk ix-xandir f’pajjiżna ikun aktar inklussiv u ta’ kwalità.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli qalet li l-għan tal-Gvern huwa li dejjem itejjeb is-servizzi li huma diġà huma offruti.
Qalet li għalhekk, fil-jiem li ġejjin se tiġi varata strateġija nazzjonali dwar id-Diżabilità li se tkun qed tirrevedi l-istatus ta’ persuni neqsin mid-dawl f’pajjiżna.
Spjegat, “U nemmnu li dan it-tip ta’ djalogu huwa importanti u allura l-punti li ħarġu f’din il-konferenza tal-lum se jkunu ta’ pedament importanti għar-riformi li jkun hemm meħtieġa fiż-żmien li ġej.”
Preżenti għall-konsultazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Dr Joanna Spiteri, kif ukoll il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan.