Ix-xahar ta’ Ottubru kien wieħed xott u xemxi.
Dan ħareġ minn stqarrija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn intqal li l-ammont totali ta’ sigħat xemxin jisboq in-norma klimatika tax-xahar ta’ 217.7-il siegħa, bi ftit aktar minn 51 siegħa.
Dan ġara minħabba l-medja tas-sħab għax-xahar kienet aktar baxxa min-norma klimatika.
Filwaqt li fl-aktar jum xemxi ta’ Ottubru tkejlu aktar minn għaxar sigħat xemxin, fl-aktar jum mudlam tkejlu biss 0.4 siegħa u seħħ fl-unika maltempata bis-sajjetti laqtet lill-gżejjer Maltin f’dan ix-xahar.
Dakinhar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 18.4mm xita f’Ħal Luqa.
Fl-istess xahar tkejlu biss 18.6mm ta’ xita u b’hekk ix-xahar kien ħafna aktar xott min-norma klimatika.
Dan ifisser li x-xahar li għadda tniżżel fir-reġistri tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala l-għaxar Ottubru l-aktar xott, minn meta bdew jinżammu r-rekords.
F’Ottubru ġew irreġistrati wkoll temperaturi sħan, li rriżultaw minn żona ta’ pressjoni għolja persistenti fuq il-gżejjer Maltin u l-parti l-kbira tal-Baħar Mediterran.
Sbatax-il jum f’Ottubru rreġistraw temperaturi massimi li kienu ogħla min-norma, bit-temperatura massima medja tax-xahar taqbeż in-norma klimatika ta’ 25.0°C, b’0.4°C.
Filwaqt li l-ogħla temperatura li tkejlet f’dan ix-xahar kienet ta’ 28.6°C, waqt li t-temperatura minima niżlet għal 15.7°C u ġiet irreġistrata fuq jumejn konsekuttivi.
F’Ottubru t-temp kien ukoll aktar kalm milli mistenni, fejn il-veloċità medja tar-riħ kienet ta’ 5.9 knots, minflok in-norma ta’ 7.4 knots. Il-buffura massima ta’ Ottubru laħħqet it-33 knot mid-direzzjoni tal-Majjistral.