L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, fi stqarrija, esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li aġenti tal-propjetà jippermettu viżitaturi għal fuq siti ta’ kostruzzjoni mingħajr ma jsegwu l-miżuri ta’ saħħa u s-sigurtá neċessarji. L-OHSA saħqet li dan ikun qed joħloq riskju għal kull persuna li tkun fuq dawn is-siti ta’ kostruzzjoni waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet.
L-Awtorità saħqet dwar l-importanza li tiġi salvagwardjata s-saħħa u s-sigurtá tal-persuni kollha li jkunu jinsabu f’siti ta’ kostruzzjoni, huma spjegaw li skont il-liġi dan huwa d-dmir tas-sid tas-sit tal-kostruzzjoni. Barra min hekk, huwa d-dmir tal-persuna nkarigata mit-tmexxija tal-proġett li għandha tieħu l-passi meħtieġa biex persuni awtorizzati biss jitħallew jidħlu fil-post tal-kostruzzjoni.
L-OHSA appellat biex qabel ma’ persuna tingħata aċċess għas-sit, għandu jiġi aċċertat li s-sit jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtá ta’ kull persuna, u mhux tal-ħaddiema biss. L-Awtorità enfassizat li skont il-liġi, għal kull proġett ta’ kostruzzjoni trid tinħatar persuna nkarigata mid-disinn tal-proġett u persuna oħra nkarigata mill-fażi ta’ kostruzzjoni.