Fi stqarrija l-Bank Ċentrali talab l-attenzjoni tan-nies wara li qed jiċċirkola tentattiv ġdid t’attakk virtwali biex jikseb informazzjoni kunfidenzjali dwar kontijiet bankarji.
Intqal li messaġġi li jidhru li qegħdin jintbagħtu mill‐Bank Ċentrali ta’ Malta jidderieġu lil min jirċievi l-messaġġ lejn sit elettroniku qarrieqi li jieħu informazzjoni mingħandek.
Il-Bank Ċentrali qal b’mod ċar li huwa ma joħroġx kards jew ma joffrix kontijiet lill-pubbliku, jew jitlob tali informazzjoni dwar kards maħruġin minn, jew kontijiet ta’ klijenti miżmumin ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.
Il-Bank saħaq li kull min jirċievi dan il-messaġġ għandu dejjem jipproċedi bil-kawtela u għandu jirrapporta kwalunkwe ittra suspettuża lill-awtoritajiet rilevanti.