Raġel ta’ 47 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti wieġeb mhux ħati wara li ttella’ l-Qorti mixli b’akkużi relatati ma’ vjolenza domestika u li fost oħrajn kkawża ġrieħi gravi fuq bintu nhar id-disgħa u għoxrin ta’ Novembru li għadda.
Huwa kien mixli wkoll li fl-10 ta’ Lulju kkawża biża li ser tintuża l-vjolenza fuq bintu permezz ta’ xi insulti.
Fil-Qorti ntqal kif nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju, bint l-akkużat għamlet rapport rigward xi insulti fil-konfront tagħha minn missierha u meta l-każ kien qed jiġi investigat insabu każijiet preċendenti li iżda ma ġewx irrapportati.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €6,000 u li jrid jiffirma fl-għassa tar-Rabat kull nhar ta’ Tnejn. Il-Qorti imponiet ordni ta’ protezzjoni favur bintu.