L-eks kuntistabbli tal-Pulizija mixli li stupra kollega fl-għassa tal-Imsida wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u għalhekk il-kawża ġiet differita sabiex tkun tista’ tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda.
Il-Maġistrat Monica Vella qalet li fl-ewwel seduta d-difiża qalet li seta’ kien hemm possibbiltà ta’ ammissjoni wara li tinstema’ x-xhieda tal-vittma prinċipali.
Madankollu d-difiża mmexxija mill-avukati Alfred Abela, Dr Franco Debono u Dr Amadeus Cachia qalu lill-Qorti li l-imputat mhux lest li jirreġistra ammissjoni dwar l-akkużi miġjuba kontrih u ddikjara li mhux ħati ta’ dawn l-akkużi.
Għalhekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella għaddiet il-kawża lir-reġistratur tal-qorti sabiex jgħaddi l-kawża lill-Qorti oħra.
F’din is-seduta kienet se tixhed il-kuntistabbli li allegatament sfat stuprata mill-ġuvni fl-Għassa tal-Imsida. Dan kien se jsir permezz ta’ video conference sabiex tiġi protetta l-identità tal-vittma prinċipali f’dan l-allegat każ ta’ abbuż sesswali.
Kien hawn fejn il-ġuvni reġa’ ttieħed mill-Pulizija lejn it-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.