Ettienne Bartolo ta’ 36 sena minn Birkirkara wieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ omiċidju ta’ Roderick Grech nhar id-29 ta’ Marzu.
L-ispettur Kurt Zahra qal lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li għal ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu l-pulizija kienet infurmata li fi Triq Tumas Fenech f’ Birkirkara kien hemm ammonti ta’ demm mal-art u hemmhekk instab il-vittma.
L-ispettur stqarr mal-Qorti li mill-investigazzjoni tal-pulizija irriżulta li l-aħħar persuna li kellem il-vittma kien propju l-akkużat, magħruf bħala il-“Vojt”. Mill-investigazzjoni li saret lill-persuna li tat l-aħħar għajnuna lill-vittma, intqal li l-aħħar kelma li qal Grech qabel intilef minn sensieh kienet ‘vojt’.
Jidher li l-omiċidju seħħ wara bejgħ ta’ drogi hekk kif il-ġlieda li wasslet għall-mewt taż-żagħżugħ Karkariż bdiet meta l-akkużat allegatament mar jixtri d-droga m’għand il-vittma iżda qallu li kien se jħallsu l-għada għax ma kellux biżżejjed flus.
Kien hawnhekk li nqalgħet kommossjoni u l-imputat allegatament ħareġ il-mus u tah daqqiet bih qabel ma ħarab minn fuq il-post.
Ettienne Bartolo qed ikun akkużat li kien ukoll fil-pussess t’ arma irregolari u li kiser il bon ordni.
Filwaqt li ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, l-avukat difensur innota li l-akkużat għandu kondotta relattivament nadifa għal kuntrarju tal-vittma.