Sean Grech ta’ 29 sena minn Bormla tpoġġa fuq probation hekk kif wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Grech kien akkużat b’serq aggravat filwaqt li nstab bil-pussess tad-droga kannabis.
L-Avukat difensur, Simon Micallef Stafrace, qal lill-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, li r-reati mwettqa minn Grech mhumiex serji. Ir-raġel seraq biex isostni id-dependenza tad-droga.
Il-Qorti nnutat li l-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi u għalhekk poġġietu fuq probation għal tliet snin. Il-Maġistrat widbitu illi jekk jerġa’ jwettaq reat ieħor jew ma jżommx l-appuntament mal-uffiċjal tal-probation jeħel sa 14-il xahar ħabs. Grech kien immultat 70 ewro għall-pussess tal-kannabis.