Raġel li mar il-Kastell ta’ Windsor armat bi crossbow u stqarr ma’ uffiċjal “jien hawn biex noqtol lir-Reġina” wieġeb ħati ta’ akkuża taħt l-Att dwar it-Tradiment.
Jaswant Singh Chail, minn Hampshire, ġie arrestat f’jum il-Milied tal-2021, meta r-Reġina kienet qed tgħix f’Windsor minħabba l-pandemija.
Quddiem il-Qorti Ingliża, Chail, li għandu 21 sena, wieġeb ħati u ammetta li hedded li joqtol u li kellu l-arma moħbija.
Meta seħħ ir-reat, huwa irnexxilu jitla’ fil-kastell billi xxabbat bl-użu ta’ ħabel, u kien diġà ilu hemm sagħtejn qabel sabu l-uffiċjal. Huwa kien liebes barnuża u maskra, u kien deskritt bħala wieħed li donnu ħiereġ minn xi xena ta’ film. Meta l-uffiċjal staqsa: “Morning, can I help, mate?”, Chail wieġeb: “I am here to kill the Queen.”
Huwa l-ewwel persuna fir-Renju Unit li nstab ħati ta’ tradiment mill-1981.
Huwa għandu jingħata s-sentenza f’Old Bailey fil-31 ta’ Marzu.